Il-Mostru tal-Letteratura

La_Belle_et_la_Bête_trailer

Ftit jiem ilu, aħna u nitkellmu fuq ħaġa oħra, kollega tiegħi li jgħallem il-letteratura l-Inalco, waħda mill-universitajiet ta’ Pariġi, qalli li qatta’ l-Ħadd waranofsinhar man-neputija tiegħu ta’ ħmistax-il sena għax kellha komponiment letterarju x’tikteb għall-iskola. Nassumi li flok is-sjesta.

Peress li fis-sistema edukattiva obbligatorja tagħna, hemm min iħares lejn il-letteratura bħala balla fuq l-istonku, jew saħansitra xkiel għall-edukazzjoni, ridtu jispjegali ftit x’kien dan il-komponiment letterarju. Biex nara fejn qegħdin aħna u fejn qegħdin il-Franċiżi. Fl-iskola normali tagħhom.

Il-komponiment kien fuq il-figura tal-mostru fil-letteratura. Interessanti. F’liema ktieb? Kellha xi erba’ kotba, qalli, imma ma setax jiftakar liema eżatt. Il-letteratura jħobbha, imma wara ġimgħa xogħol, il-Ħadd waranofsinhar… Forsi “Les Chants de Maldoror” ta’ Lautréamont, jew “La Tentation de saint Antoine” ta’ Flaubert, jew “L’Eve future” ta’ Villiers de l’Isle-Adam. Ma nafx.

La_Belle_et_la_Bête_filmU film. X’inhu? Film. “La Belle et la bête” ta’ Jean Cocteau. Induna mill-ewwel li ma kontx naf bih. Il-film jiġifieri, mhux il-poeta Jean Cocteau (l-awtur fost l-oħrajn tar-rumanz “Les Enfants Terribles” tal-1929). Dan xogħol klassiku taċ-ċinema Franċiż, qalli. Addattament tal-istorja ta’ Jeanne-Marie Leprince de Beaumont tal-1757. Beauty and the Beast. Hmmm.

U kemm paġni? Ma deherx mija fil-mija ċert. Naħseb li man-neputija ddiskuta t-tema, il-fasla tal-kitba, u mbagħad ħalla f’idejha. Wara kollox għandha 15, le? Xi erba’ paġni, qalli.

Naħseb li f’daqqa waħda ntebaħ li ma setax jifhem għalfejn kont qed ninteressa ruħi daqshekk f’parenteżi minn dak li kien qed jgħidli qabel. Għalfejn dan l-interess kollu fil-homework ta’ tfajla normali Franċiża ta’ ħmistax?

Ħbieb tiegħi (kif jindirizzana tat-Telebejgħ fuq l-istazzjon nazzjonali), dik l-istorja.


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s