Id-Diskors, il-Gideb u l-Iħirsa tal-Preżent

F’dan il-ktieb editjat minn Dr Stephen Bonanno, Jiena (X’)Jien? Is-Suġġett fin-Narrattiva Kontemporanja Maltija (KKM 2019), li jiġbor għadd ta’ studji li ġew ippreżentati waqt konferenza organizzata mid-Dipartiment tal-Malti tal-Junior College fl-2016, l-istudju tiegħi, “Id-Diskors, il-Gideb u l-Iħirsa tal-Preżent,” jiffoka fuq in-novelli ta’ Clare Azzopardi f’Kulħadd Ħalla Isem Warajh (2014).

53052513_2130836277000224_882734917425823744_n

Fl-isem tal-ktieb, l-istqarrija sfidata mill-mistoqsija miżjuda hi meħuda mill-ftuħ ta’ żewġ xogħlijiet bikrin ta’ Frans Sammut, in-novella “Labirint” (1965) u r-rumanz Il-Gaġġa (1971). Fiż-żewġ rakkonti, id-dikjarazzjoni tal-“Jiena jien” min-narratur-protagonista tafferma l-preżenza tas-suġġett li hu konxju minnu nnifsu fin-narrattiva Maltija. Ladarba l-istess preżenza tista’ titqies bħala element essenzjali fil-ġeneru tan-narrattiva Moderna, l-assoċjazzjoni tal-mistoqsija mal-kuntest tan-narrattiva kontemporanja bħal titlob li nindagaw x’tip ta’ suġġett insibu fin-narrattiva kontemporanja Maltija. Huwa simili għas-suġġett fin-narrattiva Moderna, jew differenti minnu? U jekk tal-aħħar, x’jagħmlu differenti?

L-istudji huma ta’ Stephen Bonanno, Ivan Callus, Francoise Zammit, Kurt Borg, Adrian Grima, Bernard Micallef, Mark Camilleri, Josette Attard, Anna Zammit, Joe Vella, u David Aloisio. Tista’ tixtri din il-ġabra ta’ studji ta’ 250 paġna’ minn fuq l-internet jew iċċempel fuq 2149 7046 waqt il-ħinjiet tal-uffiċċju. Tista’ wkoll tibgħat email fuq admin@midseabooks.com.

53081067_2130836387000213_4317349143673569280_n

Adrian Grima | Id-Diskors, il-Gideb u l-Iħirsa tal-Preżent

F’din il-kitba nħares lejn il-protagonisti tat-tmien novelli ta’ Kulħadd Ħalla Isem Warajh ta’ Clare Azzopardi u r-relazzjoni tagħhom mal-kelma li toħloqhom u toħnoqhom, mal-verità li tgiddibhom, mal-finzjoni li jinqdew biha biex ikunu jistgħu jirrakkontaw il-verità tagħhom, u ma’ dik l-istess finzjoni li jistaħbew warajha biex iħarsu, jew iħassru, il-fraġilità u l-frammentazzjoni tagħhom. Nixtieq inħares lejn ir-relazzjoni kumplessa ta’ dawn il-karattri mar-rakkont tagħhom, mal-mod kif, minkejja l-logħob li jilagħbu, ir-rakkont jikxifhom; mal-mod kif isawruh u jsawwarhom. Huma ħolqien tal-kelma u l-kelma għandha l-ħila tinqeda bihom biex tagħti prominenza lilha nfisha, u lill-karattri twarrabhom.

Il-qafas konċettwali ta’ dan il-qari tat-tieni ġabra ta’ novelli ta’ Azzopardi jistrieħ l-aktar fuq ix-xogħol ta’ Amal Treacher Kabesh, “On Being Haunted By the Present” (2011), u spunti minn La pensée du dehors (1966), “il-ħsieb minn barra” ta’ Michel Foucault, stedina biex taħseb u tikteb minn barra l-ordni stabbilit, minn barra s-swar tal-għarfien magħruf (Laniel 3), mhux billi twarrbu għalkollox, imma fi djalettika mqanqla miegħu (4). Ninqeda wkoll bit-taħdita “Qu’est-ce qu’un auteur?” (1969) li fiha Foucault jirrifletti fuq in-natura u l-funzjoni tal-awtur jew l-awtriċi, fuq il-mewt tagħhom, u fl-istess ħin fuq il-mod kif din il-figura trażżan il-firxa tal-interpretazzjoni tax-xogħol letterarju.

Azzopardi għandha dik li Engelke jsejħilha l-kurżità tal-antropoloġi fl-espressjoni kulturali tal-bnedmin, f’dak li jagħmilna bnedmin, f’dak li nirtu miċ-ċirkustanzi tas-soċjetà u tal-istorja; għandha kurżità fuq is-sinifikat kulturali ta’ dettalji żgħar (Engelke 5). Dawn ir-rakkonti huma katalgu ta’ dettalji żgħar, ta’ dak li jista’ jidher insinifikanti. Il-lista tal-“postijiet” fejn Polly “tikteb” l-ittri “pdm” u li tagħlaq din il-ġabra ta’ tmien novelli mhux għalkollox miftumin minn xulxin hija rikostruzzjoni fi frammenti tat-territorju fiżiku, kulturali u psikoloġiku ta’ Polly. Huma bħal marki fuq il-mappa personali tagħha u tal-kultura li trabbiet fiha. Polly hija l-kerha, il-maħmuġa, l-imwarrba, imma hija wkoll parti integrali mill-ambjent kulturali usa’ tagħha, minsuġa fit-tessut. Il-“postijiet” li jimlew l-aħħar paġni tal-ktieb huma dikjarazzjoni tal-prominenza tal-ispazju fiżiku li jsir spazju uman. Il-postijiet huma wkoll dikjarazzjoni dwar l-ispazju uman li jikseb struttura identifikabbli, bħallikieku fiżika.


52868336_2130836513666867_8951400534279979008_n


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s