Għar-raba’ sena għallimt taqsima-studju tal-Malti lill-istudenti tat-tielet sena tal-Baċellerat fid-Dipartiment tal-Għarbi. Dan it-tagħlim huwa parti minn ftehim bejn id-Dipartiment tal-Malti tal-Università ta’ Malta u l-Inalco fi ħdan il-programm Erasmus+. Qabel ma bdejt ngħallem dan il-kors jien, kienu jgħallmuh letturi oħrajn, fosthom il-Prof. Martine Vanhove u l-Prof. Albert Borg.
Ħadt sehem ukoll f’seminar tal-istudenti tal-Masters fl-Għarbi Magrebin u seminar ieħor tal-Masters fit-Traduzzjoni Letterarja. It-Tnejn 18 ta’ Frar saret attività l-Inalco mmexxija mill-Prof. Mourad Yelles li fiha intervista lili u lill-poeta Habib Tengour dwar il-poeżija u qrajna xi xogħlijiet minn tagħna. Jien qrajt il-poeżiji “Sebgħin Sena Tbenġil,” “Id-Dijaframma tal-Jiem” u “Għajnejk l-Alġier” bil-Malti waqt li Mourad Yelles qara l-verżjoni poetika bil-Franċiż ta’ Elizabeth Grech.


Mix-xellug, il-Prof. Kadhim Hassan, Prof. Habib Tengour, il-Prof. Mourad Yelles, u jien
