Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb stedinni biex nieħu sehem fil-programm Wiċċ Imb Wiċċ li jixxandar fuq l-internet u biex nipproponi xogħol letterarju li jista’ jinqara minn Antonella Axisa fil-programm Paġna minn Ktieb fuq TVM.
Kull ġimgħa dan il-programm jieħu l-udjenza fuq vjaġġ lejn il-Librerija Nazzjonali tal-Belt, b’intervisti qosra ma’ awturi Maltin, pubblikaturi, letturi, u illustraturi. Il-programm jixxandar nhar ta’ Tlieta fuq TVM fit-19:45, b’repetizzjonijiet it-Tnejn fit-20:00, l-Ġimgħa fil-23:05 u s-Sibt fit-20:15 fuq TVM2
Peress li qed naħdem fuq ġabra ta’ novelli għall-kbar, jien ipproponejt il-ktieb Din Mhix Logħba (KKM 2012), ġabra ta’ erba’ novelli li kont ktibt għall-adolexxenti. Il-produzzjoni tal-programm għażlet l-ewwel silta min-novella, “Filgħodu Nqum IKMISSRE”.
Ħajr lil John Grech u lil Simona Cassano mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.
Il-mistoqsijiet li staqsietni Antonella Axisa, imfasslin mill-manager tal-Kunsill, John Grech, kienu dawn:
- L-erba’ stejjer ta’ din il-ġabra huma rrakkuntati mill-perspettiva ta’ tfal adolexxenti. L-ewwel storja tittratta elezzjoni minn għajnejn tifel, it-tieni tittratta l-ansjetà, it-tielet l-isfruttament minorili, u r-raba’ tippreżenta riflessjonijiet fuq l-arti u r-rabta tagħha mal-identità personali. Dawn huma kollha temi serji u importanti li ma jitilfu xejn mill-kumplessità tagħhom minkejja li huma ppreżentati minn dil-perspettiva. X’ħeġġek tadotta dil-perspettiva mhux tas-soltu?
- In-nannu u n-nanna fl-ewwel rakkont għandhom funzjoni binarja ċara. In-nanna tipprova tispjega b’mod raġunat u fattwali lit-tifel. In-nannu huwa mitluf fis-suġġettività tiegħu u, għalkemm iħobb jilgħabha tal-fattwali u x-xettiku, huwa mogħmi bil-partit tiegħu. Il-karattru tan-nanna hu daqsxejn iktar enigmatiku, għax, filwaqt li n-nannu hu konsistentement ipokrita u partitarju, in-nanna, għalkemm tipprovdi l-uniku sors ta’ informazzjoni oġġettiva u bbilanċjata lit-tifel, jidher li lin-neputi (skont dak li niżżel fin-noti tiegħu) wiġbitu xott u biered fuq it-taxxi billi qaltlu li dawn huma “pastażata li jagħmel il-partit l-ieħor”. Tweġiba sorprendenti li ma tkunx qed tistennieha minn dal-karattru. X’taħseb? Dan huwa kumment sottili tiegħek fuq kif ebda persuna, lanqas dik li tidher li tirraġuna bil-galbu, ma hi kapaċi iżżomm rasha għalkollox fuq għonqha fi żmien l-elezzjonijiet?
- ‘Filgħodu nqum IKMISSRE’ huwa rakkont ta’ tip ta’ abbuż mhux tant imsemmi fis-soċjetà tagħna, speċjalment fil-kuntest minorili, u dan huwa abbuż emozzjonali. F’dal-każ jidher li m’huwiex intenzjonat mill-karattru li qed iwettqu: figura maskili li anke minn analiżi ħafifa tidher trid il-ġid lit-tifel, imma bil-mod goff, egoċentriku u insensittiv tagħħa, mingħajr ma tikkonsulta, mingħajr ma tagħti spazju lil das-sabi jikber bħala individwu, u li tispiċċa tikkawżalu ansjetà kbira li ġġiegħlu jgħix fi stat ta’ tensjoni perpetwa. X’inhi l-intenzjoni tar-relazzjoni misterjuża bejn dar-raġel insensittiv u t-tifel, relazzjoni misterjuża anke minħabba l-fatt li l-qarrej jibqa’ lanqas jaf min hu dar-raġel ħlief li jgħix mal-protagonist u ommu u għandu influwenza kbira fuqhom it-tnejn? La nafu hux missieru jew is-sieħeb ta’ omm is-sabi.
- Minn xiex inhu ġej jew x’nebbaħ l-użu tal-kliem, b’mod notevoli dawk bil-fonemi maqlubin u mibdulin, fl-istorja ‘Filgħodu nqum IKMISSRE’? Għalfejn il-karattru kontinwament ifarrak, jew ikisser, ċertu kliem fil-monologu tiegħu? Qed torbot l-istat mentali tal-protagonist mal-forma tal-kelma?