Ir-residenti ta’ Pembroke jiltaqgħu mal-President ta’ Malta sabiex jesprimu t-tħassib tagħhom dwar il-proġett tal-ITS
Ir-residenti ta’ Pembroke esprimew it-tħassib serju tagħhom dwar il-proġett tad-db Group propost fuq is-sit tal-ITS waqt laqgħa mal-President tar-Repubblika ta’ Malta, l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca li saret fil-5 ta’ Lulju 2018 fil-Palazz ta’ Sant’Anton f’Ħal Balzan..
Ir-residenti spjegaw li din l-istruttura massiva, li tinkludi torri ta’ 37 sular u lukanda ta’ 19-il sular, se tinbena ftit metri biss ‘il bogħod mill-appartamenti ta’ madwar 260 familja li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali. Żvilupp mostruż bħal dan mhux biss se jgħatti x-xemx b’mod kważi permanenti għar-residenti li jgħixu f’dawn l-appartamenti, iżda se jikkawża wkoll ħsara permanenti lis-saħħa fiżika u mentali tagħhom, speċjalment fuq dik tat-tfal, matul il-fażi tal-kostruzzjoni tal-proġett li se tieħu s-snin u li se tiġġenera tniġġis tal-arja u storbju ma jaqta’ xejn. L-iżviluppatur irid iqiegħed impjant li jipproduċi l-konkrit (batching-plant) ħdejn id-djar tar-residenti, ħaġa li hija verament perikoluża għas-saħħa tan-nies, speċjalment għas-sistema respiratorja.
Ir-residenti enfasizzaw li l-iżvilupp kollu għandu jqis il-benessri soċjali, id-drittijiet tat-tfal u d-drittijiet tal-ġenerazzjonijiet futuri. Bħalissa jħossu li l-komunità tagħhom tinsab taħt assedju minn proġetti ta’ kostruzzjoni u kummerċjalizzazzjoni mhux sostenibbli.
Ir-residenti ta’ Pembroke rringrazzjaw lill-President tal-ħin tagħha u talli semgħet b’attenzjoni u fehmet it-tħassib tagħhom. F’dawn l-aħħar jiem, ir-residenti għamlu wkoll tliet laqgħat separati mad-deputati eletti kollha mid-disa’ u l-għaxar distrett sabiex jiddeskrivu l-impatti negattivi ħafna tal-proġett propost mid-db Group li jekk isir se jidfinhom ħajjin.
Din kienet l-ittra li r-residenti ppreżentaw lill-E. T. il-President ta’ Malta:
Lill-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro
President tar-Repubblika
Palazz ta’ Sant’Anton
Ħal Balzan
Il-5 ta’ Lulju 2018
Eċċellenza,
Aħna grupp ta’ residenti li qed niktbulek biex ngħidulek li inkwetati ħafna b’bini kummerċjali propost li jsir f’Pembroke, fejn illum hemm il-bini tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi. L-inizjattiva tagħna fil-komunità hija inizjattiva mhux partiġġjana li għandha biss l-għan li tħares il-ġid tal-komunità lokali u nazzjonali.
Dan il-bini enormi jinkludi torri ta’ 37 sular u lukanda ta’ 19-il sular se jitla’ letteralment ftit metri ’l bogħod minn fejn joqogħdu madwar 260 familja fi blokki tal-akkomodazzjoni soċjali.
Jinkwetana mhux biss il-kobor esaġerat ta’ dan il-bini li se jgħatti x-xemx b’mod tista’ tgħid permanenti għar-residenti tal-appartamenti, imma l-ħsara permanenti u irreparabbli lis-saħħa fiżika u mentali tan-nies, speċjalment tat-tfal, waqt li jkun qed jinbena.
Dan ix-xogħol se jdum is-snin u minbarra t-tniġġis fl-arja u l-istorbju, l-iżviluppatur irid jinstalla impjant li jagħmel il-konkos maġenb id-djar, batching plant li huwa perikoluż ħafna għas-saħħa, fost l-oħrajn għas-sistema respiratorja.
F’każijiet bħal tagħna,[1] il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem temmen li “severe environmental pollution may affect individuals’ well-being and prevent them from enjoying their homes in such a way as to affect their private and family life adversely.”
Il-Qorti Ewropea temmen ukoll li tniġġis kbir, bħalma se jkollna jekk db Group jagħmlu l-proġett tagħhom fejn illum hemm l-ITS f’Pembroke, jista’ jkollu impatt fuq il-benessri tan-nies u ma jħallihomx igawdu d-dar tagħhom; se jaffettwa ħażin kemm il-ħajja ta’ kuljum tal-persuna kif ukoll il-ħajja tal-familja.
Eċċellenza, aħna qed niktbu lilek bħala President tal-Maltin kollha. Qed niktbulek ukoll minħabba l-impenn tiegħek fil-qasam soċjali u fil-qasam tal-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini kollha li jgħixu f’Malta. Li qed nitolbu huwa li niltaqgħu miegħek bħala residenti tal-inħawi biex nispjegawlek il-problema li qegħdin niffaċċjaw.
Nixtiequ nitkellmu miegħek fuq il-ħtieġa li anki fejn jidħol l-iżvilupp ekonomiku fil-lokal, inħarsu l-ġid tas-soċjetà u l-jeddijiet tat-tfal u l-ġenerazzjonijiet tal-futur, għax il-komunità tagħna qed tħossha assedjata minn proġetti ta’ bini u kummerċjalizzazzjoni insostenibbli.
Dejjem tiegħek,
f’isem għadd ta’ residenti minn Pembroke
[1] “López Ostra vs. Spain”, application no. 16798/90. https://www.escr-net.org/caselaw/2008/lopez-ostra-vs-spain-application-no-1679890