FLOK TGĦATTI X-XEMX BIL-KONKOS
Flok titla’ s-sema b’torri
u tgħatti x-xemx bil-konkos;
flok togħla tant li artek
fid-dlam ta’ dellek togħdos;
flok tmiss is-sema b’rasek
flok tirfes kulm’hemm taħtek,
għax tant tkun tlajt fil-għoli
li lanqas tara ‘l razztek;
għax ma tfittixx mod ieħor
kif forsi tagħmel isem?
Titħajjar titla’ s-sema,
bir-ruħ minflok bil-ġisem?
Adrian Grima
Din il-poeżija nkitbet lejlet il-Konferenza stampa tar-residenti, l-għaqdiet ambjentali, u l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke u ta’ San Ġiljan kontra l-proposta ta’ bini ta’ torri ta’ 37 sular u lukanda ta’ 19-il sular li jridu jidfnu għadd kbir ta’ blokki ta’ appartamenti residenzjali u djar f’Pembroke.