Grazzi lill-edituri u lill-Klabb Kotba Maltin ta’ dan il-ktieb, Mill-Petali ta’ Ħajtek, f’ġieħ Oliver Friggieri.
Napprezza l-fatt li t-tnedija saret fil-Berġa ta’ Kastilja. Jekk l-awtoritajiet tal-pajjiż japprezzaw tassew il-kontribut straordinarju li dejjem ta Oliver biex pajjiżna, ilsienna u l-letteratura tagħna jilħqu l-milja tagħhom, iridu juru bil-fatti li qed jagħmlu minn kollox, minn kollox, biex isaħħu l-istatus tal-Malti bħala l-ilsien nazzjonali u biex isaħħu l-bilingwiżmu f’pajjiżna, is-sehem tal-Malti u l-Ingliż u anki s-sehem ta’ lingwi oħrajn.
Jekk l-awtoritajiet ifaqqru l-Malti billi jqisuh bħala lsien barrani u inferjuri f’artu stess, jekk jinkoraġġixxu liċ-ċittadini Maltin stess biex ma jitgħallmuhx sew, u jekk ma jaħdmux bil-fatti biex ikollna bilingwiżmu f’saħħtu, ikomplu jressquna lejn monolingwiżmu li bih niftaqru lkoll.
L-ilsien nazzjonali tagħna qatt ma kien daqshekk f’saħħtu. Qatt fl-istorja millennarja tiegħu ma ħaddem daqshekk nies, qatt ma ħoloq daqshekk impjiegi, qatt daqs illum ma ħoloq daqshekk riżorsi. Imma jeħtieġ iktar investiment serju, mhux bid-diskors biss, f’riżorsi bħaċ-ċekkjatur elettroniku li huwa lest biex jintuża. Jeħtieġ aktar programmi innovattivi ta’ tagħlim, aktar riċerka, aktar xandir ta’ kwalità, aktar għajnuna lill-pubblikaturi u lil min jiżviluppa riżorsi elettroniċi, aktar riżorsi liIl-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti.
Il-Malti, kif dejjem wera Oliver Friggieri, jeħtieġ mhux biss rispett u riċerka serja, imma jeħtieġ ukoll l-impenn konkret ta’ kulħadd, miż-żgħar nett sal-kbar nett.