IL-ĦANUT TAL-POEŻIJA
Tidħol ġo ħanut tal-merċa biex tixtri. Tara laned tat-tonn taż-żejt, bottijiet tal-piżelli, tat-tadam, tal-faqqiegħ. Kaxxi taċ-ċereali kbar u żgħar u fliexken tal-ilma. Tiftaħhom u ssib poeżija.
Bejn l-14 u l-21 ta’ Jannar il-kmajra numru 83 fi Strada Stretta se tinbidel f’Il-Ħanut. Ħanut tal-merċa li tista’ tidħol fih u tieħu kemm trid mill-bottijiet u laned u fliexken u kaxex miġbur mill-Beltin u b’disinn ta’ Ed Dingli. U magħhom il-poeżiji tal-proġett Poetry in Potato Bags miktuba minn poeti emergenti u stabbiliti kif ukoll poeti żgħar.
Il-poeti tal-proġett huma Achille Mizzi, Dorianne Bonello, Kit Azzopardi, Priscilla Cassar, Adrian Grima, Joe P. Galea, Beverly Agius, Emmanuel Attard Cassar, Jesmond Sharples, Mario Cardona, Omar Seguna, Murad Shubert, Simone Inguanez, Rita Saliba, George Peresso, Clifton Azzopardi, Therese Pace, Nadia Mifsud, Elizabeth Grech, John Aquilina, Glen Calleja, Walid Nabhan, Pawlu Mizzi, Jean Paul Borg, Miriam Calleja, Clare Azzopardi, u Claudia Gauci, filwaqt li l-iskejjel li ħdima magħhom s’issa huma Youth.Inc (Aġenzija Żgħażagħ), u l-Iskejjel Primarji tan-Naxxar, Raħal Ġdid u r-Rabat Għawdex.
Fil-Ħanut tistgħu wkoll tisimgħu l-poeti jaqraw il-poeżiji tagħhom stess u taraw ritratti tal-proġett meħuda minn Giola Cassar.
Poetry in Potato Bags huwa proġett li jiċċelebra l-iskambju taż-żerriegħa u l-patata. Ir-rabtiet kulturali bejn Leeuwarden u Malta jmorru lura għall- 1850. Meta ż-żerriegħa tasal minn Leeuwarden, il-bdiewa Maltin jiżirgħuha u jkabbru l-patata, li mbagħad tmur lura Leeuwarden. Il-proġett “Poetry in Potato Bags” jagħmel użu minn dan iċ-ċiklu billi jiskambja l-poeżija maż-żerriegħa u l-patata, filwaqt li jiċċelebra t-titlu ta’ Belt Kulturali Ewropea fl- 2018.
Żuru l-Ħanut bejn id-9am u 12pm u l-4pm u s-7pm! Dan il-proġett bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ tal-Belt Kulturali Ewropea 2018 qed jittella’ mill-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed bl-għajnuna ta’ Abdilla Importers/Exporters, Third World Group u Ta’ Nenu Artisan Bakery.

Fi Frar tal-2018, ftit ġimgħat oħra, Inizjamed tagħlaq 20 sena. Il-Ħanut huwa wieħed mill-isbaħ proġetti li qatt għamilna, il-konċentrazzjoni fi spazju wieħed ta’ firxa sħiħa ta’ esperjenzi, poeżiji, ħidmiet f’Malta u barra minn Malta, kollaborazzjonijiet, proġetti ta’ kitba fl-iskejjel, rikordings… Huwa proġett, immexxi minn Leanne Ellul, li jiċċelebra 20 sena ta’ ħidma volontarja u entużjażmu minn għadd kbir ta’ nies.
