Fil-jiem li għaddew kont Tuneż biex nieħu sehem f’konferenza tal-Fondazzjoni Anna Lindh dwar it-Traduzzjoni bħala mezz għad-Djalogu fir-reġjun tagħna. Tkellimt dwar it-traduzzjoni letterarja bħala l-aktar qari profond li jista’ jsir ta’ xogħol letterarju, bħala kreazzjoni mill-ġdid tax-xogħol f’lingwa letterarja differenti, fi tradizzjoni differenti.
Fil-jiem li għaddew kont Tuneż biex nieħu sehem f’konferenza tal-Fondazzjoni Anna Lindh dwar it-Traduzzjoni bħala mezz għad-Djalogu fir-reġjun tagħna. Tkellimt dwar it-traduzzjoni letterarja bħala l-aktar qari profond li jista’ jsir ta’ xogħol letterarju, bħala kreazzjoni mill-ġdid tax-xogħol f’lingwa letterarja differenti, fi tradizzjoni differenti.
Għamilt referenza għal dak li jgħid Sinan Antoon dwar it-test letterarju bil-vistu sakemm tasal il-fejda tat-traduzzjoni, punt li jagħmlu wkoll Roger West f’kumment li tana wara l-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta tal-2016:
“For me, being part of the translation workshop this year was a real privilege because it gave me the opportunity to get deeper and deeper into some of the texts I was reading. And with each rereading, I got a deeper and deeper meaning. The translation of poetry into various languages is an important and essential part of poetry. Jacques Derrida said that every text is in mourning until it’s translated. And with these translation workshops here, it’s bringing a whole lot of texts out of mourning and into a celebration of life.”
Dawn ir-ritratti ħadthom Sidi Bou Said, Kartaġni, u Tuneż. Uħud mill-isbaħ mumenti ppruvajt naqbadhom f’dawn ir-ritratti, imma mhux se ssibu fihom il-konverżazzjonijiet mal-attivist u artist minn Marrakech Noureddine Ezarraf dwar xogħlu u dwar Dar al-Ma’mûn; mal-poeta u kantant minn Sqallija Biagio Guerrera; mal-akkademiku Mohamed-Mohamed Salah Omri; mal-poeta Moëz Majed; mal-awtur Iraqin Ali Badr; ma’ Aude mill-iReMMO; ma’ Dan Gorman u Alice Guthrie, ma’ Alexandra Büchler (li qatt ma tixba’ tmexxi ‘l quddiem il-letteratura Maltija), max-xufiera tat-taxi li ġebbdu u ġġebbdu kemm felħu; u naturalment ma’ Glen, Nathalie u Rafel.

Dawn ir-ritratti forsi jirnexxilhom jagħtu ħjiel ta’ dak li rrid nagħmel meta nerġa’ nżur dan il-pajjiż mimli kulur u enerġija li qed igawdi l-libertà li ħallas prezz għoli ħafna biex kisibha u m’għandu ebda intenzjoni jerġa’ jitlaqha minn idejh.
Ħassejtni qisni f’pajjiżi, mhux biss minħabba l-ħbieb li kont magħhom, imma anki għax fi Vjal Bourguiba, jagħrfuk li inti Malti mal-ewwel nofs ta’ kelma li tgħid.Jiddispjaċini ftit li ma kontx Tuneż, u Sousse, u Sfaqs, u Lixandra, u l-Kajr, u Bona, u l-Alġier, u Tripli, meta kien hemm eluf ta’ Maltin fis-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, meta kien hemm Jean Senac, Gabriel Audisio, Albert Camus, Laurent Ropa, Ġużè Cutayar, Jean Amrouche, Kateb Yacine, Mario Scalesi, u tant oħrajn.
Imma l-Afrika ta’ Fuq ta’ wara l-kisba tal-indipendenza mhix anqas interessanti u dinamika minn dik ta’ qabel. Hemm għejun kbar ta’ kultura, attiviżmu soċjali u moviment artistiku f’dawn l-artijiet ġirien tagħna. Kemm indawru ftit rasna.
Kartaġni, jien u nieħu r-ritratti tal-fdalijiet ta’ żmien ir-Rumani u tal-moskea ewlenija, ftakart fir-rakkont ta’ Audisio dwar ix-xufier tat-taxi Malti kunjomu Agius, li fis-snin tletin tas-seklu għoxrin dawwar lil Audisio meta żar it-Tuneżija. Jitkellem b’rispett fuq is-Sur Agius, Audisio. U aħna u sejrin l-ajruport, ix-xufier żagħżugħ semmielna l-kunjomijiet ta’ sħabu ta’ nisel Malti li jgħixu Tuneż: Vella, Calleja, u Mifsud (kumbinazzjoni kunjom ommi xebba). Fil-qalba tal-Medina, qrib ħafna ta’ fejn ħadna nieklu Mohamed-Salah, għaddejna minn fejn Café Bondin.
Minkejja diffikultajiet ekonomiċi, minkejja t-theddid tal-forzi okkulti li jridu jaħkmu mill-ġdid lit-Tuneżija, jew ikaxkruha lura lejn l-imgħoddi, hemm enerġija kbira, hemm dawl li mhux se jaċċetta d-dell tqil tad-dlam jew tal-bnadar suwed tiegħu.Qabel ma mort Tuneż, Indri Mangu ħeġġiġni biex inżur is-Centre des Musiques Arabes et Méditerranéennes, Ennejma Ezzahra, ta’ Sidi Bou Said. Nibqa’ nafhulek, Andrew. Ġawhra arkitettonika u mużikali bi storja li tixħet dawl mhux biss fuq il-mużika popolari tat-Tuneżija u tal-Mediterran iżda wkoll fuq il-kolonjaliżmu u l-postkolonjaliżmu. http://www.cmam.nat.tn/.
Bħal Malta, it-Tuneżija hija mdewda bil-kultura u bħal Malta qed isir ħafna xogħol ta’ restawr u ta’ riġenerazzjoni tal-bini u tal-komunitajiet.Fid-Dar tal-Poeżija fil-Medina ta’ Tuneż, bl-inizjattiva ta’ Mohamed Salah Omri, ippreżentajt ktieb tal-poeżiji tiegħi, bit-traduzzjonijiet għall-Franċiż ta’ Elizabeth Grech, lil-librerija ta’ din id-dar u jien u Glen, it-tnejn li aħna morda bil-poeżija u l-ħolm, ħadna ritratt f’dan il-post li ilu ħafna li wasal iż-żmien li jkollna bħalu f’Malta.
Fl-isqaqien tal-Medina sibt ukoll Dar al-Mutawassit, dar il-Mediterran: it-Tuneżija hija wieħed mill-iktar pajjiżi Għarab tal-Mediterran li jagħraf dan il-wirt komuni li għandna, wirt komuni tan-nies komuni, tal-komunitajiet, tal-istorja antika tagħna nbaħħru f’dan il-baħar u nissieltu u nixxierku ma’ xulxin.
Aħna u ħerġin mill-Medina, ħdejn wieħed mis-seba’ bibien tal-belt il-qadima ta’ Tuneż, inzertajna grupp ta’ żgħażagħ idoqqu, imdawrin b’ċorma kbira ta’ nies u fin-nofs xi tfajliet jiżfnu.
Mohamed-Salah qalilna li din l-arti tat-triq qed issir dejjem aktar komuni fit-toroq ta’ Tuneż. Xtaqt bqajt naqra oħra hemm biex nismagħhom. Forsi jkunu għadhom hemm meta nerġa’ lura. Idoqqu u jiżfnu.Ħajr lil Chaymaa Ramzy u t-tim kollu tal-Fondazzjoni Anna Lindh. Kienu jiem intensi ta’ ħbiberija, traduzzjoni, skoperta, u ispirazzjoni. Menù ta’ lingwi u stejjer straordinarji.