X’jispirak biex tiddedika l-enerġija għall-ġid tal-lingwa Maltija?
Il-lingwa Maltija hija patrimonju nazzjonali u internazzjonali imprezzabbli. F’dawn l-aħħar ġimgħat stednuni biex naqra l-poeżiji tiegħi (bil-Malti) fi tliet pajjiżi differenti, l-Eġittu, il-Ġermanju u Franza, u nista’ ngħidlek li l-ewwel ħaġa li jgħiduli n-nies li jkun hemm fl-udjenza hija li l-Malti huwa lingwa mill-isbaħ, taħlita straordinarja tan-nofinshar u t-tramuntana tal-Mediterran. Huwa xhieda ħajja tal-mod kif in-nies tal-Mediterran għexu flimkien u tħalltu bejniethom. U s-sabiħ tal-Malti huwa li huwa lsien ħaj, mimli ħajja, fil-fatt, ilsien għaddej minn proċess kontinwu ta’ żvilupp.
Ftit jiem ilu kont festival tal-letteraturi Ewropej f’Cognac, Franza, u waħda mill-affarijiet li għedt lill-udjenza preżenti għal qari li għamilna kienet li nħossni ċittadin tad-dinja fost l-oħrajn għax għandi l-lingwa tiegħi, il-Malti, lingwa li nħossha tagħmilni mhux biss Malti imma ċittadin ta’ reġjun sħiħ, il-Mediterran, u ċittadin tad-dinja. Għalhekk inħoss ir-responsabbiltà li naħdem favur l-iżvilupp tal-ilsien nazzjonali tagħna.
Naf li Inizjamed tippromwovi ħafna l-letteratura b’lingwi differenti, speċjalment tal-Mediterran. Taħseb li dan iwassal għal iktar paċi bejn il-ġnus, u kif?
Permezz tal-letteratura ssir taf il-kulturi u r-realtà ta’ kuljum ta’ bnedmin oħra, ta’ ġnus oħra, ta’ artijiet oħra. Malta tinsab f’nofs il-Mediterran, fiċ-ċentru ta’ dan ir-reġjun tant qadim li għandhom fi ħdanu miljuni ta’ żgħażagħ mimlijin bl-enerġija tal-avventura umana u tat-tiġdid. Il-ħidma ta’ Inizjamed fil-promozzjoni tal-letteratura bil-Malti u fl-għarfien tal-letteraturi tal-ġnus tal-Mediterran u lil hinn tagħtina l-opportunità (tad-deheb) li niltaqgħu tassew ma’ bnedmin oħrajn, li nitkellmu, li nsiru nafu lil xulxin b’mod li ħafna drabi jmur lil hinn mis-superfiċjalità tal-kuntatt li jġib miegħu t-turiżmu tal-massa. Il-letteratura tħaffer taħt il-wiċċ, tqalleb fil-ġewwieni tagħna bħala individwi u bħala komunitajiet.
Meta nsiru nafu lil xulxin mill-qrib, anki permezz tal-kitba u l-qari, nintebħu kemm nixtiebhu, kemm għandna l-istess biżgħat, l-istess imħabbiet, l-istess dgħufijiet, l-istess xewqiet. L-għarfien tal-istejjer u l-lingwi ta’ xulxin jqarribna lejn xulxin u jagħmilna aktar aħwa milli sempliċiment ġirien, jew kompetituri.