Quddiem il-Funtana. Kelmtejn dwar ix-xewqat

Daħla kritika ta’ Adrian Grima bl-isem ta’ “Quddiem il-Funtana. Kelmtejn dwar ix-xewqat” għall-ġabra tal-poeżiji ta’ John Portelli, Xewqat tal-Passa/Migrant Desires. Horizons, 2017.

Karl Schembri - Passju taht ix-Xita 29.4.12 ag

Nhar l-Erbgħa l-1 ta’ Novembru 2017, John Portelli nieda l-ktieb tiegħu tal-poeżija, Xewqat tal-Passa/Migrant Desires (Horizons), f’sala mimilja nies fil-bini tal-King’s Own Band Club, il-Belt Valletta. Waqt it-tnedija għamilt kumment kritiku qasir meħud mid-daħla li ktibt għal dan il-ktieb li jisimha “Quddiem il-FuntanaKelmtejn dwar ix-xewqat.” Qrajt ukoll tnejn mill-poeżiji ta’ John f’dan il-ktieb.

23270321_10155356418206185_5710579452960272733_o
L-intervent ta’ Adrian Grima (Ritratti ta’ Karl Camilleri
23270572_10155356418276185_5857450980315629656_o
L-udjenza waqt it-tnedija ta’ Xewqat tal-Passa/Migrant Desires

L-interventi kritiċi l-oħrajn waqt it-tnedija kienu ta’ Norbert Bugeja u Leanne Ellul, waqt li Walid Nabhan qara poeżija ma’ John. Ħa sehem ukoll il-4 Winds Clarinet Quartet magħmul minn Karl Camilleri, Gabriel Agius Pascalidis, Nathalie Cachia u Rene Camilleri.


Quddiem il-Funtana. Kelmtejn dwar ix-xewqat

xewqat tal-passa_quddiem

Waqt li dawn il-versi ta’ John Portelli jitkellmu dwar firxa sħiħa ta’ temi, bħall-ħbiberija, l-imħabba, in-natura, il-mard, il-ġustizzja soċjali, id-dominju tan-Neoliberiżmu, l-emigrazzjoni u l-immigrazzjoni, u temi lokali u globali oħrajn, wieħed mill-elementi li jispikkaw huwa dak tar-riflessjoni filosofika. Dawn huma poeżiji medhijin bil-kontenut iktar milli bil-forma, poeżiji li jippreżentaw għadd ta’ sitwazzjonijiet mill-ħajja ta’ kuljum, imma jistaqsu mistoqsijiet li jmorru lil hinn mill-kontinġenza tal-mument.

F’dan il-kuntest, ix-xbieha tal-funtana ssir leitmotif, xbieha rikorrenti u bħallikieku punt ta’ riferiment viżiv u filosofiku. Dawk li huma midħla tal-poeżija Maltija aktarx jorbtu din ix-xbieha tal-funtana mal-poeżija ikonika ta’ Rużar Briffa, “Ballatella tal-Funtana,” xogħol li Briffa kitbu fl-1 ta’ Novembru tal-1962 bil-funtana tal-Barrakka ta’ Fuq quddiemu (Friggieri 176), iżda li fih jimraħ fi spazju privat ferm iżjed kumpless u ferm inqas identifikabbli minn dak pubbliku tal-Barrakka ta’ Fuq.

Il-funtana ta’ din il-ġabra tidher fil-poeżiji “Il-Funtana tal-Bieraħ,” “Funtana tat-Tritoni,” u “Funtana li Tnixxi,” imma tidher ukoll, b’mod inqas prevedibbli, fi “Splużjoni f’Nofs Ankara” u “Nixxennaq”: l-iżvilupp ta’ din ix-xbieha fi ħdan din il-medda ta’ poeżiji huwa donnu xhieda tal-fatt li qed tingħata sinifikati dejjem akbar mill-bniedem li qed josservaha. Id-distanza bejn il-poeta u l-funtana tonqos għax il-pożizzjoni li jieħu quddiemha tinbidel. Iktar ma tgħib miċ-ċentru tal-attenzjoni tal-osservatur, iktar tikber fil-preżenza mistura tagħha, iktar tinfluwenza jew anki tiddetermina l-ħarsa tal-poeta.

“Il-Funtana tal-Bieraħ” ta’ John Portelli ssir bniedma “bla ħajja,” funtana li “tiskanta,” “iċċassata.” Hija riflessjoni fuq binja tal-bnedmin li tħalliet titmermer, li tħalliet tintilef f’kesħa kiefra, f’ambjent estrem, xhieda tal-indifferenza ta’ razza lejn dak li toħloq hi stess. Din hija l-funtana tal-imgħoddi, tan-nostalġija tal-osservatur ta’ dak li kien, ta’ mod ta’ għajxien li għadda u li issa huwa rrappreżentat metonimikament mill-funtana abbandunata. Imma l-identità mfarrka tal-funtana hija wkoll l-identità tal-bniedem li jidentifika ruħu magħha, ma’ dak li kienet u inevitabbilment ma’ dak li hi llum. Ironikament, fil-qagħda mwiegħra tiegħu bħala ltim taż-żmien, l-osservatur isib wens fl-abbandun tal-funtana, u l-antropomorfizzazzjoni tagħha toħloq sieħba mixtieqa u meħtieġa mill-istruttura ta’ ġebel immermer. Il-funtana mhux biss “tfakkarna fil-bieraħ” imma ġġeddu u tgħixu mill-ġdid magħna, mal-poeta li minn bniedem osservatur jinbidel f’sieħeb fi spazju alternattiv għall-indifferenza u l-abbandun tal-preżent. Din il-ġabra ta’ poeżiji ta’ John Portelli tħares biċ-ċiera lejn il-vjolenza ta’ kontemporanjetà profondament imnawra, imnawra mill-inġustizzji ta’ sistemi ekonomiċi u politiċi foloz, imma anki minn mard li jifni l-ħajja u li l-bnedmin m’għandhom ebda ħila jrażżnuh. L-imgħoddi joffri spazju ta’ wens, il-ħbiberiji li jinbnew ġebla, ġebla maż-żmien, u li jisfidaw it-tnawwir. Il-funtana tinxef, il-ġebel jittiekel, l-arkitettura tal-madwar timmarġinalizzaha, imma l-eżistenza mwiegħra tagħha tibqa’ tirrappreżenta l-possibbiltà ta’ ħajja mod ieħor, ta’ għajxien aħjar, mibni fuq il-valur ewlieni tal-imħabba.

Il-funzjoni tal-funtana bħala s-sieħba, femminili, tal-osservatur raġel, tingħata forma aktar espliċita fil-poeżija “Funtana tat-Tritoni,” li fiha l-poeta jintasab ħdejha u jitkellem fil-miftuħ dwar ir-relazzjonijiet ta’ mħabba għax hi donnha tiġbidhom lejha u tindukrahom. Jingħad li fil-poeżija ta’ Antonio Machado, il-fluwidità tal-ilma tal-funtana tinkarna l-femminilità waqt li l-istruttura tal-ġebel li tiġbor fiha l-ilma tirrappreżenta l-maskilità (Scarlett 306). F’dil-poeżija ta’ John Portelli, “l-ilma jfexfex” bla waqfien joffri “serħan” minn dil-ħajja li l-poeta raġel ma jistax jidentifika ruħu magħha. BħaIl-ġebel tal-funtana, irid igawdi mill-ħajja dejjem imġedda li joffri l-ilma dejjem ġej. Il-funtana tat-Tritoni kapaċi trodd il-ħajja u l-imħabba minkejja l-ambjent ostili li tinsab fih, assedjata mit-tip ta’ eċċessi tal-kuntest urban li joħonqu lill-individwu fuq kull livell u jċaħħduh mill-fakultajiet tiegħu. Għalhekk il-poeta jiddeskrivi lilu nnifsu bħala “baħnan” bilqiegħda ħdejn il-funtana, jistennieha tagħtih l-imħabba, id-dinjità. Huwa l-“baħnan” imsaħħar mill-unika nixxiegħa li tagħti tassew il-ħajja

Meta fil-poeżija “Funtana Li Tnixxi,” John Portelli donnu jisħet l-attività bla waqfien tal-funtana bħala metafora tal-mard, jagħti l-impressjoni li qed jisħet lill-figura nfisha tal-funtana, imma jista’ jkun li dan mhuwiex minnu.

dak l-ilma
li jfawwar
minn qalbha
ifexfex
igerfex
ibaqbaq
bir-ritmu
ta’ dejjem

Għax għal darb’oħra, il-funtana hija forza mimlija enerġija (minkejja li hi distruttiva), enerġija dejjem ġejja, tbaqbaq “bir-ritmu/ta’ dejjem.” Bl-insistenza fuq il-ħoss li jinstema’, fuq il-verbi onomatopejċi “fexfex,” “gerfex” u “baqbaq,” il-misteru ewlieni tal-funtana huwa l-forza ġewwiena li permezz tagħha l-ilma dejjem ġej, donnu bla ma jista’ jwaqqfu xejn. Din hija l-forza li jfittex John Portelli biex jikkumbatti l-kuntrarji tal-ħajja u tas-sistemi maħluqa mill-bnedmin.

Il-bniedem jipprova jiġbed lejh il-forza alternattiva tal-funtana fil-poeżija “Splużjoni f’Nofs Ankara” u jirnexxilu. Il-verb onomatopejku li jerġa’ juża biex jiddeskrivi l-ħoss tal-ilma huwa “fexfex,” moviment mimli ħajja imma b’vena ta’ ferment, ta’ insubordinazzjoni.

U jfexfex l-ilma tal-funtana tat-tama fil-misraħ
bħal donnu biex itaffi
ir-riħa kollha qrusa tal-bombi
u l-għagħa tan-nies
qalb l-imsaren ħamrana
tal-bombers;
u l-weraq safran
jinbaram
maż-żiffa ħafifa tal-ħarifa.
U f’nofs il-misraħ nilmaħ
lil Ismet u bintu Zayneb
imkeffna f’velu tal-Kurdistan.

Il-passaġġ regolari tal-ilma, bla ma jiżvija, donnu bla ħniena, ma jħares lejn wiċċ ħadd, jisfida “r-riħa kollha qrusa tal-bombi.” Hemm ħjiel tal-indifferenza tar-rutina tal-ħajja, tan-nixxiegħa inevitabbli tagħha, taż-“żiffa ħafifa tal-ħarifa,” minkejja “l-għagħa tan-nies,” minkejja “l-imsaren ħamrana” mitluqin fl-art fi pjazza. Fl-istess ħin, jitfaċċaw Ismet u bintu Zayneb, żewġ uċuħ familjari, stqarrija tal-forza stinata tal-ħajja, in-naħa l-oħra, tal-indifferenza. Tewmin u kumplimentari. Għax il-ħajja ma tistax tiżvina minħabba t-tiċrita tal-mewt; fl-istess ħin, dik il-ġerħa tnixxi hija ċaħda kategorika tal-ħajja.

Ix-xewqat tal-poeta hu u jpassi minn art għal oħra jinġabru fil-manifest tiegħu “Nixxennaq,” li minflok jistabbilixxi l-kredu filosofiku tiegħu, jippreżenta stqarrija mqanqla u bla mistħija tal-“kredu emottiv” tiegħu, tal-mumenti u t-tqanqiliet li jemmen fihom. “Nixxennaq” hija att ta’ fidi mingħajr att ta’ ndiema, ammissjoni ta’ dgħufija mingħajr dgħufija. Tista’ tinterpretah bħala att ta’ fidi fin-Nofsinhar, fl-immaġinarju tagħna tal-Mediterran, fil-Mediterran taż-żagħżugħ Albert Camus ta’ “La culture indigène – La nouvelle culture méditerranéenne,” id-diskors li għamel fil-ftuħ tal-Maison de la Culture tal-Alġier fit-8 ta’ Frar tal-1937, li fih jiċċelebra l-ħajja fil-beraħ fil-bliet u l-portijiet tal-Afrika ta’ Fuq u xtut oħra tal-Mediterran, il-fwejjaħ li ma jeħtiġux min jitkellem fuqhom għax jinsabu f’laħamna: “La Méditerranée, c’est cela, cette odeur ou ce parfum qui est inutile d’exprimer: nous le sentons tous avec notre peau.” Il-Mediterran ta’ Camus huwa l-ħajja fit-triq, in-natura, “les cours, les cyprès, les chapelets de piments;” din hija l-kultura Mediterranja li taħdem favur il-bnedmin, mhux kontrihom, biex tgħinhom mhux biex teqridhom. Fil-kasba ta’ Udejja, jew Kasbah Oudaia, fil-belt ta’ Rabat fil-Marokk, tinħass sew l-influwenza tal-Andalusija, għax din kienet, fost l-oħrajn, iċ-ċittadella tal-Andalusi fil-belt ta’ Rabat, u bosta kittieba dwar il-Mediterran iqisu l-kultura mħallta tal-Andalusija fl-aqwa tagħha bħala mudell tal-kultura għanja u ibrida tal-Mediterran. Fil-poeżija tiegħu, Antonio Machado jara l-funtana bħala ċ-ċentru tad-dar tat-tfulija u tan-nostalġija ta’ dak iż-żmien, u bħala l-punt ta’ riferiment fl-arkitettura u t-tfassil tal-ispazju urban fl-Andalusija; fil-funtana Andalusa hemm id-diwi tal-funtana bħala oasi fl-arkitettura Iżlamika (Scarlett 307). Dan il-wirt kbir ta’ perjodu storiku, ta’ reġjun sħiħ, jinsab f’dawn il-versi ta’ Portelli, u l-poeta m’għandux għalfejn jinsisti fuqu, għax huwa parti mill-wirt tagħna bħala Mediterranji li ħadu sehem sħiħ fil-ġrajja tar-reġjun tagħhom.

Hemm dimensjoni filosofika wkoll fil-qagħda, kultant skomda, tal-poeta quddiem il-funtana.

niffissa quddiem il-funtana
taqtira
taqtira
tiżen il-mument:
tgħid taf iżżomm il-ħin?
                                             ("Nixxennaq")

Din il-mistoqsija tmiss il-qalba tal-misteru tal-ħajja. Għall-bidu jidher li hi mistoqsija dwar jekk il-funtana, mogħtija karatteristiċi ta’ ħlejqa animata, hix kapaċi timxi mal-ħin, mar-ritmu tal-arloġġ. Imma tissuġġerixxi wkoll mistoqsija ferm iktar fundamentali: kapaċi l-funtana, bil-moviment ħaj li ġġib magħha, tikkontrolla ż-żmien, taħkem dak li ż-żmien, permezz tal-ħajja, jitfgħalna ma’ wiċċna? L-enerġija tal-ħajja (fil-figura tal-funtana) kapaċi toħnoq il-mixja taż-żmien, b’dak kollu, sikwit mhux mixtieq, li ġġib magħha? Min għandu f’idejh il-kontroll tal-ħajja? Il-poeta jiffissa quddiem il-funtana, bla ma jaħrablu xejn, għax irid jifhem x’għarfien tagħti l-funtana dwar il-ħajja, din il-forza konsistenti tal-eżistenza.

Kull taqtira “tiżen il-mument,” tistenna l-mument tagħha, timmarka l-istqarrija tagħha bir-regolarità u d-dixxiplina ritmika. Kull taqtira taqa’ fil-waqt mistenni. M’hemmx lok għall-varjazzjoni, għall-individwalità, la għall-poeta li jiċċassa lejn il-funtana u lanqas għall-ilma. Kollox irid jobdi r-regola, jimxi mad-dixxiplina krudili u prevedibbli tagħha. Ma tħares lejn wiċċ ħadd ir-regola, u l-bniedem jista’ jiċċassa kemm irid għax mhux se jbiddel ir-ritmu essenzjali, lanqas jekk idaħħal idu fil-passaġġ tal-ilma. Fl-aħħar mill-aħħar, il-funtana hija kostruzzjoni tal-bnedmin, mhux ħolqien awtonomu tan-natura, u r-ritmu stinat tal-ilma huwa tentattiv tal-bnedmin li jimponu ordni fuq in-natura u fuq iż-żmien. Waqt li jsaħħar lill-bnedmin bir-ritmu tiegħu, l-ilma jfakkarhom, ironikament, fil-marġinalità ta’ kull wieħed u waħda minnhom, u forsi kemm ma jiswew xejn quddiem il-passaġġ bla ħniena taż-żmien.

Il-pass ritmiku tal-ilma jsaħħar, u għalhekk John Portelli jassoċja l-funtana, bħal dik tat-Tritoni, mal-imħabba.         

ħdejja l-għarajjes
jitbewsu
jitgħannqu
bla biża’
bla mistħija:
tgħid bi mħabba?
U wara nitpaxxa
f’dellet il-ġnien tal-Andalusija
qalb sigar mgħobbija bil-larinġ
indub mat-tpespis tal-għasafar
                                    ("Nixxennaq")

Ir-riferiment għall-Andalusija mhuwiex innoċenti. Il-poeta jrid jistqarr it-twemmin tiegħu f’kultura ta’ taħlit, ta’ influwenzi reċiproċi, ta’ tidkir jew dakkir. Il-funtana mibnija mill-bnedmin tafferma din il-kultura qadima u fl-istess ħin tiċċelebra kultura dejjem ġdida għax kull taqtira hija stqarrija ta’ ħajja. Dan huwa l-lat iktar liriku tal-versi sikwit militanti ta’ John Portelli li jistqarru l-fidi tal-poeta fil-ħajja, kull ħajja: il-fidi tiegħu fil-ġnien, fil-larinġ, fl-għasafar, fit-tgħanniq, fil-ġesti delikati tal-ħajja, fl-umanità ż-żgħira.

Il-militanza letterarja ta’ John Portelli nħoss li trid tinterpretaha l-aktar bħala att ta’ fidi fl-imħabba, fil-ġesti sempliċi tagħha; fil-waqtiet ċkejknin li fihom jinġabar il-wirt kollu tal-ħbiberija; fl-att, imqar moħbi, ta’ mogħdrija u għożża, lejn ħlejqa oħra; fit-tiftixa stinata għall-uċuħ differenti tas-sewwa.

L-imħabba hija l-premju li jfittex bla serħan Rużar Briffa: kif jissuġġerixxi d-dokument poetiku aħħari tiegħu, “Ballatella tal-Funtana,” fil-poeżija tiegħu l-imħabba hija destinazzjoni li tibqa’ ma tintlaħaqx (Grima), imma tagħti s-sens lill-vjaġġ kollu tal-ħajja. Quddiem il-funtana John Portelli jirrifletti fuq iż-żmien għaddej bla ħniena, u l-post li jista’ jkollna aħna, minkejja l-fraġilità tagħha, fl-istorja tal-ħolqien.

Biblijografija

  • Camus, Albert. “La culture indigène – La nouvelle culture méditerranéenne.” Jeune Méditerranée, bulletin mensuel de la « Maison de la Culture » d’Alger, n° I, avril 1937.
  • Friggieri, Oliver. (ed.) Rużar Briffa. Il-Poeżiji Miġbura. Malta: Klabb Kotba Maltin, 1983.
  • Grima, Adrian. “Xewqat fiergħa, il-mewġ u l-warda.” Diskors waqt il-kommemorazzjoni, “Il-Poeta Rużar Briffa: Ħamsin sena minn mewtu,” fit-3 ta’ Ġunju 2013 fil-Palazz ta’ San Anton.
  • Scarlett, Elizabeth. “Antonio Machado’s Fountains: Archeology of an Image.” MLN, Vol. 113, No. 2, Hispanic Issue (Mar., 1998), pp. 305-323. The Johns Hopkins University Press.  


Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s