
Fuq stedina taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti fl-Università ta’ Bremen, il-Ġermanja, Leanne Ellul, il-Prof. Ray Fabri, u Dr Adrian Grima ħadu sehem f’avveniment letterarju fi Bremen bħala parti mill-programm tal-festival tal-letteratura Globale 2017.
L-avveniment sar fil-post bl-isem ta’ Brauhauskeller fil-kumpless ta’ Theater Bremen. Leanne Ellul qrat mir-rumanz tagħha Gramma, tradott għall-Ġermaniż mill-Malti mill-Prof. Thomas Stolz; l-ambaxxatur Malti għall-Ġermanja Dr Albert Friggieri għamel taħdita dwar “Goethes “Vorsatz, Malta zu besuchen;” u Adrian Grima qara għadd ta’ poeżiji bil-Malti minn Rakkmu u Klin u Kapriċċi Oħra, fosthom erba’ poeżiji bi traduzzjonijiet ġodda tal-Prof. Ray Fabri u ta’ Dr Albert Friggieri.
L-udjenza li attendiet għal dan l-avveniment marbut mal-letteratura Maltija tista’ tgħid li mliet it-teatru intimu tal-Brauhauskeller.

Il-lejla tmexxiet mill-Prof. Thomas Stolz miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, li introduċa lil dawk li ħadu sehem. Leanne Ellul qrat l-ewwel kapitlu mir-rumanz Gramma mit-traduzzjoni għall-Ingliż ta’ Albert Gatt, traduzzjoni li qed issir bl-għajnuna tal-Fond għat-Traduzzjoni tal-Cultural Export Fund tal-Malta Arts Fund. Imbagħad qrat it-tieni kapitlu tar-rumanz bil-Malti. Wara l-qari, il-Prof. Stolz għamel ftit osservazzjonijiet dwar il-lingwa tar-rumanz, fosthom l-oħrajn dwar il-logħba bil-kelmiet “ġuħ” u “wġigħ.”
Imbagħad l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġermanja, Dr Albert Friggieri, għamel preżentazzjoni dwar dak li kiteb Goethe dwar Malta u ffoka fuq għaliex ried iżur Malta u għaliex, fl-aħħar mill-aħħar ma żarhiex. Benjamin Saade, miċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, qara bosta siltiet mill-kitba ta’ Goethe marbutin mat-tema. Il-preżentazzjoni qanqlet ħafna interess u tqanqlu għadd ta’ mistoqsijiet li twieġbu Dr Friggieri, il-Prof. Stolz u l-Prof. Fabri.
Fit-tielet parti ta’ dan l-avveniment, Dr Adrian Grima qara l-poeżiji tiegħu bil-Malti waqt li l-Prof. Ray Fabri qara t-traduzzjonijiet bil-Ġermaniż. Il-poeżiji kienu “Tal-Ġelati,” “Dit-Tagħbija Barranija,” “Ċaqċiqa,” “Jekk Ħarist,” “Is-Swaba’ Jaqgħu f’Idejn Xulxin,” “Missieri Jistenna s-Sema blu,” u “Sebgħin Sena Tbenġil.”
Tlieta minn dawn il-poeżiji, l-ewwel tnejn u s-seba’ waħda, jinsabu fil-ġabra ta’ poeżiji ta’ Adrian Grima maqluba għall-Ġermaniż li ħarġet id-dar tal-pubblikazzjonijiet Hochroth fl-2010.
L-erba’ poeżiji l-oħrajn nqraw fil-pubbliku bil-Ġermaniż għall-ewwel darba f’dan l-avveniment. Iż-żewġ poeżiji ta’ mħabba ttraduċihom Dr Albert Friggieri filwaqt li t-tnejn l-oħra ttraduċihom il-Prof. Ray Fabri.
Iċ-Ċentru tal-Ilsien Malti ta’ Bremen twaqqaf fid-29 ta’ Ġunju 2012 bl-iffirmar ta’ kuntratt bejn ir-retturi tal-Università ta’ Bremen u l-Università ta’ Malta, wara għaxar snin ta’ koperazzjoni fil-qasam tal-lingwistika Maltija. Fl-2007, waqt l-ewwel Konferenza Internazzjonali dwar il-Lingwistika tal-Malti, twaqqfet l-Għaqda Internazzjonali tal-Lingwistika Maltija, GĦILM fi Bremen. L-Għaqda għandha 65 membru mill-Ġermanja, Malta, l-Istati Uniti tal-Amerka, il-Ġappun, u bosta pajjiżi oħra. L-Għaqda toħroġ żewġ pubblikazzjonijiet: The Journal of Maltese Linguistics, ILSIENNA, u s-sensiela IL-LINGWA TAGĦNA.
