Għaliex aħna kontra l-Bini Għoli f’Pembroke

Dawn huma wħud mill-oġġezzjonijiet tagħna

Quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar hemm applikazzjoni biex dar ta’ żewġ sulari fil-qalba ta’ Pembroke titwaqqa’ u minflokha titla’ blokka ta’ sitt sulari flattijiet ċkejknin. Din il-binja proposta tmur għalkollox kontra l-istruttura u l-karattru tad-djar f’Pembroke u jekk it-talba tintlaqa’ mill-Awtorità tal-Ippjanar se tiftaħ il-bibien għal proposti simili li jeqirdu għal dejjem it-tip ta’ ħajja li tant ngħożżu u tant ħdimna għaliha bħala residenti.

Bini goff li joħnoq l-ispazju, l-arja u d-dawl

Aħna, bħala residenti, qed nieħdu pożizzjoni kontra dan it-tip ta’ bini goff bi ħġarna għax joħnoq l-ispazju, l-arja u d-dawl, għax jikkrea konċentrazzjoni ta’ karozzi u traffiku, għax iżid l-istorbju f’żona residenzjali, u għax Pembroke qatt ma kien maħsub li jkollu bini goff bħalu. Kien għalhekk li għażilna li ngħixu f’din il-lokalità trankwilla.

Dan mhu “żvilupp” xejn

Dan it-tip ta’ bini huwa frott tal-industrija tal-ispekulazzjoni li tfittex il-qligħ fi żmien qasir u twarrab il-kwalità tal-ħajja tagħna r-residenti li nsibu ruħna mirfusin minn binjiet ikbar milli qatt bsarna li se jkollna maġenbna. Dan huwa tip ta’ “żvilupp” li mhu “żvilupp” xejn għax jimponi fuq Pembroke konċentrazzjoni ta’ binjiet li hija għalkollox kontra l-Pembroke li għexna fiha aħna u l-familji tagħna f’dawn l-aħħar tletin sena, sa minn meta tfasslet din il-lokalità bħala post għal komunità ta’ familji.

Il-Pembroke li għażilna li ngħixu fih

Meta bnejna jew xtrajna d-djar tagħna f’Pembroke, għamilna sagrifiċċji kbar (u ħafna minna għadna qed nagħmlu sagrifiċċji finanzjarji kbar) biex aħna u l-familji tagħna ngħixu f’lokalità fejn hemm l-arja, ambjent kwiet u mdawwal, u spazju xieraq. Bit-toroq u s-servizzi tiegħu, Pembroke mhux iddisinjat biex jimtela b’binjiet li jogħlew aktar minn tliet sulari. Ma jiflaħx għall-konċentrazzjoni kbira ta’ karozzi u traffiku li bilfors iġib miegħu t-tip ta’ bini bla rażan li hemm fil-proposta li għandha quddiemha l-Awtorità tal-Ippjanar.

Lokalità ħielsa minn konċentrazzjoni ta’ bini goff

Aħna ma rridux li jitla’ bini ta’ sitt sulari, għax Pembroke mhux mimsus b’binjiet daqstant goffi u din l-applikazzjoni u oħrajn bħalha jiftħu l-bieb beraħ għal bidla mill-qiegħ f’Pembroke kif nafuh, bil-karattru tiegħu ħieles minn konċentrazzjoni urbana densa li ’l quddiem twassal għal spazji maħnuqa u tnaqqis sostanzjali fil-kwalità tal-ħajja. L-applikazzjoni li għandha quddiemha l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproponi li f’Pembroke jidħlu binjiet goffi magħmulin minn għadd ta’ appartamenti mkittfa.

Ma rridux noħonqu l-ħajja tan-nies

L-oġġezzjoni tagħna mhix biss għal din l-applikazzjoni partikulari: l-oġġezzjoni tagħna hija għal kull proposta tax-xorta tagħha li fi ftit snin tgħarraq il-ħajja tar-residenti f’Pembroke bi storbju, nuqqas ta’ dawl, nuqqas ta’ spazju, traffiku u tniġġis fl-arja, u t-tip ta’ problemi li lkoll kemm aħna qed naraw f’żoni fejn il-bini u l-industrija tal-ispekulazzjoni ħonqu l-ħajja tan-nies għax warrbu l-ħtiġijiet tat-tfal, tal-ġenituri tagħhom, u tal-anzjani li fil-lokalità tagħna qed isibu l-mistrieħ fi djarhom li għandu dritt għalih kulħadd.

Iċ-ċentru residenzjali li rridu nipproteġu

Fil-pjanijiet lokali tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tipproteġi l-qalba tal-irħula tagħna: f’Pembroke m’hemmx ċentru storiku: il-qalba kollha ta’ Pembroke hija “ċentru storiku,” ċentru residenzjali li jeħtieġ nipproteġuh minn bini bla rażan u minn spekulazzjoni li tara biss sal-ponta ta’ mneħirha.

Id-dritt li nipproteġu darna għalina u għal ta’ warajna

B’dan it-tip ta’ bini goff li hemm propost u li aħna qed noġġezzjonaw għalih, ix-xogħol kollu li għamilna għalina, għall-familja tagħna u għal-lokalità tagħna jisfa fix-xejn. U dan mhux ġust, la għalina u lanqas għal dawk li ġejjin warajna.

Ma rridux li jsiru l-istess żbalji

F’Pembroke għandna r-responsabbiltà u d-dmir li ma nirripetux it-tip ta’ żbalji fil-bini u l-pjanifikazzjoni urbana, jew in-nuqqas ta’ pjanifikazzjoni, li nafu li qatt ma jistgħu jitħassru. Ma rridux insibu ruħna fis-sitwazzjoni li ftit snin oħra jkollna nwaqqfu kumitat għar-riġenerazzjoni tal-lokalità tagħna wara perjodu ta’ bini bla rażan li jikkawża ħsara irreparabbli. Għax imbagħad ikun tard wisq.

Jagħmel ħafna iżjed sens li nħarsu l-karattru u l-ambjent tal-lokalità li naqblu lkoll kemm aħna li huma tajbin għal dawk kollha li jmissu magħhom. Ma rridux li Pembroke, lokalità trankwilla ta’ residenzi, isir sit ta’ kostruzzjoni kontinwa bil-ħsara li dan jagħmel lis-saħħa fiżika u mentali tar-residenti kollha.

Il-21 ta’ Diċembru 2016

 


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s