Kontra l-Bini bla Rażan f’Pembroke

construction_site_waste.jpeg
(Ritratt meħud mis-sit tal-gazzetta Malta Today)

Aħna residenti ta’ Pembroke li noqogħdu fi nħawi differenti ta’ din il-lokalità.

Filwaqt li lkoll għandna l-fehmiet politiċi differenti tagħna, ilkoll nemmnu li jeħtieġ nipproteġu l-karattru trankwill taż-żona residenzjali li ngħixu fiha u ma nixtiqux li dan jitħarbat għalkollox minħabba bini bla rażan.

Aħna għażilna li niġi noqogħdu Pembroke minħabba l-karattru uniku tiegħu. Pembroke tfassal bħala żona residenzjali. Illum għandu għadd kbir ta’ skejjel pubbliċi u privati, kumplessi sportivi ta’ kull xorta, ġonna u bandli pubbliċi, u dawn jitgawdew minn kulħadd u jagħtu kontribut kbir lis-soċjetà tagħna inġenerali u mhux lir-residenti tal-lokalità tagħna biss.

Sar investiment kbir ukoll fit-tħawwil tas-siġar biex jitgawdew minn kulħadd u għandna fil-lokalità tagħna wieħed mill-akbar impjanti tar-Reverse Osmosis li hawn fil-gżejjer Maltin li jipprovdi l-ilma lil eluf ta’ familja madwar il-pajjiż. Għandna wkoll ċentri tal-iscouts u l-guides, bażi tal-Forzi Armati ta’ Malta u medda art u baħar fejn is-suldati jitħarrġu.

Barra minn hekk, Pembroke joffri post ta’ mistrieħ u rikreazzjoni għal kulħadd minn kull rokna ta’ Malta. Joffri xatt il-baħar u xagħri bi rqajja’ ta’ siġar u firxa sħiħa ta’ pjanti u ħlejjaq li huwa sit protett mill-programm Natura 2000.

Fil-lokalità tagħna għandna wkoll għadd kbir ta’ binjiet storiċi li huma parti mill-wirt arkitettoniku u kulturali nazzjonali tagħna u li jeħtieġ li jitħarsu huma u l-ambjent li jinsabu fih.

Pembroke ma tfassalx biex fih, wara ftit snin jibdew jitwaqqgħu d-djar residenzjali li nbnew skont pjan komprensiv u regoli stabbiliti u minflokhom jitilgħu ħames jew sitt sulari jew biex isir bini ta’ natura kummerċjali jew industrijali.

Il-ħarsien tal-ambjent kollu f’Pembroke jfisser il-ħarsien ta’ wirt kulturali u naturali komuni għar-residenti u għal dawk kollha li jżuru l-lokalità tagħna.

Għalhekk, aħna ma naqblu xejn ma’ attaparsi “żvilupp” li ma jagħmel xejn għajr jgħarraq il-kwalità tal-ambjent li ngħixu fih. Ma rridux li jsiru żbalji irreparabbli li mbagħad nippruvaw nikkoreġuhom meta jkun tard wisq.

Għażilna li ngħixu f’Pembroke għax hija żona residenzjali u rridu nħarsu dan il-post mit-tniġġis u l-problemi kollha li jinħolqu meta f’post żgħir jidħol wisq bini ta’ kull xorta, bil-karozzi, l-istorbju, u l-inkonvenjenzi kollha li jġib miegħu.

It-toroq, l-ispazji pubbliċi, is-servizzi, u l-infrastruttura kollha ta’ Pembroke huma maħsubin għal żona residenzjali kwieta li tirrispetta l-kwalità tal-ħajja ta’ dawk kollha li jgħixu fiha.

Pembroke għandu l-karattru arkitettoniku partikulari tiegħu: madwar Malta kollha, qed isir sforz importanti biex jitħares iċ-ċentru storiku tal-irħula l-qodma li wkoll huma parti mill-patrimonju nazzjonali tagħna. Aħna rridu nħarsu l-karattru tal-lokalità tagħna li hija wkoll parti mill-patrimonju nazzjonali.

Aħna m’aħniex kontra li jsir żvilupp sostenibbli f’Pembroke li jirrispetta l-karattru tal-lokalità tagħna bħala żona residenzjali b’wirt naturali u storiku nazzjonali. M’aħniex kontra bidliet fil-binjiet eżistenti li jirrispettaw ir-regoli li kellna nobdu lkoll u li permezz tagħhom jinżamm il-karattru tal-lokalità.

Iżda aħna kontra bini li jgħarraq il-lokalità tagħna u l-kwalità tal-ħajja għal dejjem. Nafu li ladarba jibda l-bini bla rażan, dan ir-raħal residenzjali trankwill jispiċċa sit tal-kostruzzjoni permanenti. Ilkoll nafu xi jkunu l-konsegwenzi ta’ għażla bħal din fuq is-saħħa fiżika u mentali ta’ kull min jgħix u jżur Pembroke.

Adrian Grima

Is-17 ta’ Lulju 2017

 


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s