

John F. Marks twieled l-Isla fis-26 ta’ Ġunju 1894, u miet ta’ sittin sena f’Tas-Sliema fl-14 ta’ Settembru 1954. Kien wieħed mill-intellettwali ewlenin tal-Partit tal-Ħaddiema fil-bidu tiegħu fis-snin 20 u ta sehem kbir biex jiġi ċċelebrat Jum il-Ħaddiem fl-1 ta’ Mejju f’Malta wkoll. Bin Daniel, Lhudi imwieled Varsavja, il-Polonja, u Kunċetta, imwielda Chetcuti, John F. Marks studja l-Liċeo, il-Kulleġġ tat-Tarzna u wara daħal jaħdem ta’ disinjatur fl-inġinerija fit-Tarzna. Marks kiteb ħafna f’ġurnali Laburisti jew xellugin bħal Il-Kotra. Huwa l-awtur tal-parodija Il-Lingua Nostra (1932) u tar-rakkont Tejbilhom Ħajjithom (1937).



Għana
F’wieħed mill-pitazzi ta’ din il-kollezzjoni ta’ karti u manuskritti, John F. Marks ġabar l-“Għana” tiegħu li kien ippubblika f’Il-Kotra, Dr Xekkek, Il-Ħmara, Il-Felu, u Il-Pronostku Malti, ħafna drabi bi psewdonimu. Fortunatament jidher li żamm kopja ta’ dak kollu li ppubblika, sikwit b’nota miktuba bl-idejn maġenb ix-xogħol, u b’dan il-mod nistgħu nifhmu liema huma x-xogħlijiet tiegħu għax il-ġurnali ta’ żmienu kienu miżgħuda b’xibka sħiħa ta’ psewdonimi. L-iktar ħaġa li tikkomplika l-affarijiet hija l-fatt li l-awturi kien ikollhom għadd ta’ psewdonimi u l-istili tal-kitba tagħhom mhux faċli tifridhom minn ta’ xulxin.
Fil-pitazz bl-isem ta’ “Għana” għandu nota li tgħid li “L-ewwel poeżija li ktibt u dehret pubblikata“ hija “Libsa Ġdida” li dehret fil-ġurnal satiriku Dr Xecchec fil-25 ta’ Ottubru 1930, iffirmata “N. P.” Din hija taqbila komika li permezz ta’ ħafna diskors dirett tirrakkonta l-entużjażmu ta’ tfajla li tilqa’ lill-ħajjata fid-dar tagħha biex iġġarrab il-libsa l-ġdida li ħetitilha, iżda xi ħadd iħoll il-katina tal-Bob, il-kelb tal-familja, li jitla’ magħha u jċarrtilha l-opra l-ġdida. Dan huwa kumment satiriku tipiku tal-perjodu ta’ kittieba rġiel li jikkritikaw dik li jqisuha bħala l-frugħa tat-tfajliet ta’ żmienhom. Il-gazzetti kienu mimlijin b’dan it-tip ta’ kummenti maskilisti dwar in-nisa, u speċjalment dwar it-tfajliet, u waħda mit-temi popolari kienet il-make up u l-qosor tal-ilbies, li ġieli kien ikun ftit ’il fuq mill-għaksa.
Taqbiliet oħra huma “Ħabbejtha (Lis-Sultana ta’ Ħsiebi),” poeżija ta’ mħabba ffirmata minn “G.” li dehret f’Il-Kotra tat-8.1.31; “Lill-Partit tal-Ħaddiema,” iffirmata minn “Marjon,” li dehret f’Il-Kotra fil-15.1.31; “Lill-Ilsien Malti,” “Xi Ġralu s-Sur Sidor,” “Bajd” (Easter Number 1933) (“Written for the Dockyard, “Subordinate officers Federation Club to be posted on the Buffet Front Xmas 1932”), “Ħares Quddiem,” u l-poeżija komika “L-Ilma tan-Nixxiegħa.”
Is-Siġra ta’ Mejju
Il-poeżija allegorika “Is-Siġra ta’ Mejju,” iffirmata minn “L,” dehret f’Il-Kotra fil-5 ta’ Mejju 1932. F’dan ix-xogħol politiku l-awtur ifaħħar lill-politiċi Laburisti ta’ dak iż-żmien, ewlieni fosthom Pawlu Boffa, li jiddeskrivih bħala “L-isbaħ warda.” Fil-pitazz hemm l-awtur niżżel nota bid-data tat-23 ta’ Frar 1933, li tirreferi għall-fatt li kiteb ismu fil-poeżija, “Marks Ġanninu,” fost l-ismijiet ta’ bosta oħrajn. “Ismi ma nħobbx insemmih. F’dana l-każ semmejtu mħabba fir-rima.” Marks qed jirreferi għall-fatt li f’din it-taqbila b’rima alternata qed jinqeda b’ismu “Ġanninu” biex jaqbel ma’ “Ġinu” (għal Gino Muscat Azzopardi) li jissemma fl-aħħar tal-ewwel vers tal-istrofa. Il-poeżija turi li għalkemm mhux dejjem jagħmel l-aħjar għażliet, Marks kien pjuttost attent għar-rima. Kultant it-tqabbil huwa ftit sfurzat, bħal meta fil-bidu tat-tieni parti, biex iqabbel ma’ “Partit tal-Ħaddiema” jikteb dwar “ward taħt forma ta’ ħakkiema.”
L-ewwel parti ta’ din il-poeżija tirrakkonta storja dwar siġra li tikber għax sabet “art tajba u fertili” u kapaċi tirreżisti, għax soda, il-qerq li bħal “gelgul niżel / u lilha jrid ixejjen.” Permezz ta’ personifikazzjoni, iz-zokk bil-friegħi kollha mdawra miegħu jitqabbel ma’ missier b’uliedu madwaru.” Fl-aħħar ta’ din l-ewwel parti, Marks jitkellem dwar kif is-siġra tant tikber u “tarmi l-fjuri” li “ġġib taħt delliha / kemm fqar u kemm sinjuri.”
Il-personifikazzjoni tas-siġra bħala familja fl-ewwel nofs tal-ewwel parti u l-kumment dwar kif tkennen lill-fqar u lis-sinjuri fit-tmiem iħejju għat-tieni parti tal-poeżija “Is-Siġra ta’ Mejju,” ix-xahar tal-ħaddiema minħabba Jum il-Ħaddiem, li fiha jitkellem dwar il-Partit tal-Ħaddiema Malti li bil-ħila ta’ Marks kien beda jiċċelebra f’Malta fl-aħħar tas-snin għoxrin, ftit qabel il-pubblikazzjoni ta’ din il-poeżija f’Il-Kotra, l-organu tal-Partit f’Mejju tal-1932. Fil-ktieb tiegħu Bandiera Ħamra. L-Ewwel ta’ Mejju f’Malta, l-awtur Joe Borg jgħid li John Marks kien strumentali biex Malta ċċelebrat l-Ewwel ta’ Mejju għall-ewwel darba fl-1926 fl-Isla.

It-tieni parti tal-poeżija hija tifħira lill-Partit tal-Ħaddiema. Marks kien president tal-Każin Laburista tal-Isla u mill-1925 ’il quddiem kien fl-Eżekuttiv nazzjonali u għamel żmien Viċi-President tal-Partit. Il-poeżija tikkonferma dak li jgħid iben l-awtur il-Maġġur Robert Henry Marks,[1] li Marks kien jammira ħafna lit-tabib Pawlu Boffa, il-mexxej tal-Partit, għax kien jarah bħala “l-mexxej ta’ bla biża’ u bla heda, / li kien warda tassew jimla qoffa. / Għax mal-għerf dan imżejjen bir-rieda” (rima, “bla heda” u “rieda,” li hawn ukoll mhix perfetta). Imma mbagħad jagħti lista ta’ ismijiet ta’ membri, aktarx diriġenti tal-Partit, li kien iqishom bħala ward ukoll: Ġużè Orlando, Ġinu Muscat Azzopardi, Ġanni Bencini, Zammit, Carlo Satariano, Kalanġ Borg, Mosè Gatt, (Ġanninu Marks), Naudi, (nassumi li Ġużè) Ellul, u Sammut il-Kaptan. L-inklużjoni ta’ dawn l-ismijiet u l-familjarità li biha jirreferi għalihom tindika li kien hemm ċerta kolleġjalità jew anki fratellanza bejn dawn l-attivisti politiċi. Il-poeżija donnha qed tiċċelebra mhux biss lilhom imma anki l-ħbiberija, l-għaqda u l-entużjażmu ta’ bejniethom.
Il-poeżija jew aħjar taqbila tintemm bi strofa ta’ tifħir lil Vincenzu (Ċensu) Bugeja, figura ikonika fil-Partit tal-Ħaddiema ta’ dak iż-żmien li minkejja li kien l-editur ta’ gazzetta Amerikana f’Pariġi, kien attiv ferm fil-politika Maltija u kien president onorarju tal-Partit tal-Ħaddiema.
Bħal ġennien jitpaxxa,[2] b’siġra ħajja
jiena nilmaħ b’għajnejh fissi lejja
jaħseb f’Artu bla qatt ma jitlajja
il-qalbieni Vinċenzu Bugeja.
Marks jerġa’ jinqeda bix-xbieha ewlenija li bena fuqha t-taqbila kollha, dik tas-siġra, għax filwaqt li turi kif il-Partit tal-Ħaddiema għandu z-zokk li miegħu huma mqabbdin għadd kbir ta’ friegħi, is-siġra ssaħħar u tqanqal ammirazzjoni u rispett.
Adrian Grima
________________________________________________
[1] Intervent ta’ Robbie Marks waqt il-preżentazzjoni tal-arkivju ta’ missieru John F. Marks fil-Biblijoteka tal-Università fil-11 ta’ Mejju 2017.
[2] Jew il-varjanti bil-lapes, “jitgħaxxik.”



John F. Marks’s family donates his papers to University of Malta Library
