Il-marmalja wara x-xibka tal-ħadid

kanċell.jpg

Xi darba rrid nikteb storja dwar logħba futbol taż-żgħażagħ f’Malta. Kemm jista’ jkun reali. Imma ma nafx kemm jifilħu jaqraw dagħa u kliem ħażin in-nies. Kemm jifilħu jisimgħu osservazzjonijiet dwar il-ġisem tal-bniedem, dwar dak li tara u dak li ma tarax. Nikteb storja dwar in-natura tal-bniedem fil-mument kreattiv tal-anarkija.

Il-players jissaraw fuq il-ħaxix artifiċjali huma fjur ħdejn il-marmalja li sikwit ikun hemm fil-ġenb jew wara x-xibka tal-ħadid. Ħafna drabi l-players jippruvaw jagħtu eżempju. Imma dawk li mhumiex jissaraw b’mod sportiv jagħmlu minn kollox biex isaħħnuhom sakemm jibdew jagħlu.

Kultant l-uffiċjali tal-logħba jkunu inkompetenti u l-iżbalji ġenwini jew mhux ġenwini tagħhom ikomplu jsaħħnu l-irjus.

Imma l-virus ewlieni mhux qiegħed fuq il-pitch. Qiegħed band’oħra. F’ħafna diriġenti u ġenituri li suppost qegħdin hemm biex jagħtu l-appoġġ tagħhom liż-żgħażagħ ta’ fuq il-pitch imma minflok iridu jkunu l-protagonisti huma.

Naħseb li jekk nasal biex nikteb din l-istorja nkun qed nagħmel ħbieb ġodda…


L-agħar li hemm aħna, il-ġenituri. Hemm ukoll coaches li ma jġibux ruħhom sew, imma hemm ukoll ħafna li huma ġentlomi, kapaċi u ddedikati. B’mod ġenerali nħoss li l-kultura trid tinbidel, imma l-aktar fost il-ġenituri. F’każ bħal tiegħek problema, għax coach jaf “ikissirhom” lit-tfal u ż-żgħażagħ bl-attitudni negattiva tiegħu. Tibda tgħid: Uliedi x’qed jagħmlu hawn?

Rajtha llejla f’logħba taż-żgħażagħ. Logħba li spiċċat bit-theddid u l-ġlied bl-idejn għax l-uffiċjali tal-logħba weħlu ma’ ras il-“partitarji.” Meta se nħallu l-isport jieħu n-nifs liberu tiegħu mingħajr ma ndardruh bil-kburija żejda tagħna.

Jien ma nitlifx logħba waħda li fiha jkun hemm ibni jilgħab. Għalija mistrieħ u gost fl-istess ħin. Kuntent ninkoraġġixxi biss. Wara kollox il-logħba mhix tiegħi. Imma fl-istess ħin, naħseb li mingħajr il-ġenituri, jew ċerti ġenituri, uliedna jieħdu gost iżjed. Tiddejjaq tgħidha, imma nibża’ li hekk hu. Hemm arja ta’ anarkija waqt il-logħba. U meta jkun hemm l-anarkija, kultant joħorġu d-doni kollha li għandna.

Illum qed nara kemm kellek raġun fl-affarijiet li kont tgħidilna meta t-tfal tagħna kienu iżgħar, Eric. Kemm irid ikollok għajnejk fuq l-iżvilupp fit-tul, mhux f’dak il-mument. Kemm jinbidlu t-tfal. Kemm stilel jintfew u jixegħlu stilel oħra. Kemm il-karattru jmexxi l-ballun iżjed mis-saqajn.



Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s