Adrian Grima |
Fit-telgħa kattiva ta’ Wadi an-Nar jinfaqa’ jibki. Dan poplu li ma jistħoqqlux min jittrattah b’dan il-mod. F’din l-art umiljata, vjaġġ ta’ kwarta bejn Ġerusalemm u Betlem isir vjaġġ ta’ siegħa bejn checkpoint umiljanti u ieħor li jispiċċa bil-Golgota. Ma jistħoqqlux hekk. Il-karozza li ninsabu fiha tielgħa t-telgħa bla taħbit, imma dan il-poplu triqtu dejjem għat-telgħa. Il-ġens ta’ Sisifu. Kieku ma kinitx Malta, qed jgħid waqt l-ilfiq, kieku qatt ma żar il-Palestina. Seta’ jżur il-Palestina biss bħala Malti. Mhux bħala Palestinjan.
F’ras it-telgħa Fareed jitfa’ fil-ġenb. Walid joħroġ għall-arja ta’ al-Ubeidiya, bil-Wied tan-Nar mifrux quddiemu. Fareed jurina d-dawra li ħadna, id-dawra li jkollhom jieħdu l-Palestinjani f’arthom stess, l-art tal-kolonizzaturi. Għandna s-siġar u l-għoljiet mifruxa quddiemna qishom kartolina, imma f’qalbna hemm l-ilfiq għal għarrieda ta’ Walid Nabhan.
L-arja kaħla ssabbarna u nieħdu gost meta wara Beit Sahour nispiċċaw induru bi żball fit-toroq dojoq tal-belt l-antika ta’ Betlem. Tal-ħwienet għandhom id-disinji mlewna tagħhom imdendlin mal-faċċatat fuq il-bankini. Ngħaddu bil-ħniena. Fareed dawn it-toroq ma jafhomx u din mhix il-belt tiegħu. Imma jħobbhom kważi daqskemm iħobb it-toroq ta’ Al-Bireh. Għax din art waħda. Art qadima mqattgħa biċċiet. Imma art waħda ta’ għoljiet li jagħtu għall-widien, ta’ widien miksijin bl-uċuħ tar-raba’ u ż-żebbuġ u ż-żnuber, ta’ xagħri u xquq u sinjali taż-żmien imħaffrin fil-blat u l-mogħdijiet.
Fl-Università ta’ Bethlehem jilqgħuna ħbieb ġodda u s-siġar li jkennu l-ġonna, il-velijiet ikkuluriti madwar għajnejn ileqqu bid-dawl tal-għoljiet ta’ Betlem u l-bnadar tal-Palestina mkebbin mal-bnadar sofor u bojod tal-Papa. Din università mmexxija mill-Insara b’75% tal-istudenti Musulmani. Beit Lehem, Beit Sahour u Beit Jala huma t-tlitt ibliet ewlenin tal-Insara fil-Palestina. Ħafna mill-Insara li fadal minn dal-ġens ikkolonizzat fl-era tal-globalizzazzjoni jgħixu hawnhekk.
Fil-librerija mdawla tal-Università, l-ambaxxatur ta’ Malta fil-Palestina jagħmel esperiment żgħir. Lil-librara jitlobha tgħidlu min minna, bejni u bejn Walid, huwa l-Palestinjan u min huwa l-Malti. Twieġeb minnufih: Jien il-Palestinjan u Walid il-Malti. Ir-rappreżentant ta’ Malta, is-Sur Reuben Gauci, għandu tbissima kbira fuq wiċċu. Bejn l-aħwa kultant m’hemmx bżonn spjegazzjonijiet.
Meta jintroduċina quddiem sala studenti Palestinjani tal-Ingliż, il-viċi president tal-Università jitkellem dwar l-identità Mediterranja taż-żewġ popli. Qisu kien jaf dwar il-fissazzjoni tiegħi dwar il-Mediterran. Imma ġejja sorpriża oħra aktar tard.
Bħalma għamilna lbieraħ fl-Università ta’ An Najah u lbiraħtlula fl-Università ta’ Birzeit, jien u Walid nitkellmu dwar il-lingwa, dwar il-letteratura kontemporanja Maltija, u dwar il-kitba tagħna. Nitkellmu dwar ir-rumanz awtobijografiku ta’ Walid, L-Eżodu taċ-Ċikonji, u dwar il-ktieb bit-traduzzjonijiet tiegħu għall-Għarbi ta’ għażla ta’ poeżiji tiegħi minn Rakkmu u Klin u Kapriċċi Oħra, Masafat. Nitkellmu dwar il-mod kif il-letteratura kontemporanja Maltija nfetħet għall-irjieħ tal-Mediterran, għal-letteraturi mhux anglofoni.

Ilbieraħ, fl-Università ta’ An Najah f’Nablus, Walid tkellem dwar it-traduzzjoni tal-poeżija, dwar il-qrubija bejn il-Malti u l-Għarbi, imma anki dwar il-fatt li din il-qrubija ma tistax taħbi l-fatt li dawn lingwi differenti u għandhom żewġ tradizzjonijiet letterarji differenti. Jien inżid li għalija, l-aħjar nies biex jittraduċu l-poeżija huma l-poeti, bħal Walid, jew dawk li huma u jittraduċu jsiru poeti, li l-att kreattiv tat-traduzzjoni jqanqal il-poeżija li hemm ġo fihom. Għandhom f’moħħi lil Elizabeth Grech u Albert Gatt, u f’dak il-mument, jien u nitkellem quddiem sala studenti attenti li ma jafuhomx, avolja ma nsemmihomx, inħosshom qrib tiegħi.
Meta niġu biex naqraw ftit poeżiji minn Masafat fl-aħħar tal-preżentazzjoni tagħna, nitlob lil Walid biex jagħżel poeżija ta’ mħabba, imma donnu ma jridx. Għad hemm id-diqa ta’ Wadi an-Nar f’qalbu. Fl-aħħar, wara “Sebgħin Sena Tbenġil” u żewġ poeżiji dwar il-Palestina, “Il-Kanċellazzjoni tal-Istorja” u parti minn “Ramallaħ,” minn taħt l-ilsien quddiem sala nies, jirnexxili nikkonvinċih, u naqraw “Ħallejt Ġenbejk fuq Ruħi.” Jien u naqra l-verżjoni oriġinali bil-Malti wara t-traduzzjoni bil-Għarbi, jgħaddili l-ħsieb li l-ġesti żgħar tal-imħabba huma l-uniċi ġesti li jistgħu jipproteġu l-umanità fraġli tagħna. Kultant huma iżjed sedizzjużi mill-kelma impenjata. Sedizzjuża daqs it-tbissima bejn żewġ Palestinjani minkejja l-umiljazzjoni.
Waħda mill-istudenti tistaqsina kif sirna nafu lil xulxin, u Walid jirrakkonta mill-ġdid li kienet il-Palestina li laqqgħetna flimkien u li l-letteratura li żammitna qrib xulxin għal dawn l-aħħar tlettax-il sena u fuqhom. Studenta oħra tistaqsi lil Walid jekk jixtieqx jikteb poeżija lill-Palestina hu wkoll. Kumbinazzjoni għadni kemm biddilt is-slide u fuq l-iskrin kbir tas-sala eleganti hemm ritratt tal-ktieb ta’ poeżiji tiegħu, Fi Triqti Lejha. Fi triqti lejha, jgħidilha Walid. Lejn il-Palestina.

It-tielet student jistaqsi dwar l-identità plurali ta’ Walid, dwar il-Palestinjan, il-Ġordaniż u l-Malti li hemm fih. U minn ġol-basket joħroġ il-ktieb On Identity ta’ Amin Maalouf, għax qed jiddiskutuh bħalissa ma’ waħda mil-letturi tagħhom. Inħares lejn ibni li jinsab fl-ewwel filliera u nitbissmu lil xulxin. Fil-basket tiegħu wkoll hemm On Identity ta’ Amin Maalouf. Forsi ċerti kumbinazzjonijiet mhumiex kumbinazzjonijiet. U minkejja li sar il-ħin, u l-istudenti għandhom il-lezzjonijiet bnadi oħra, ngħid li l-identità orizzontali, bl-affiljazzjonijiet li nibnu ma’ ta’ madwarna, man-nies u l-esperjenzi li niltaqgħu magħhom, hija importanti daqs l-identità vertikali tagħna, daqs in-nisel tal-familja, tal-komunità tal-ġens, tal-kultura li trabbejna fiha u għaġnitna.
Imma għal Walid dan huwa l-jum tar-ritorn lejn art familtu, lejn l-art li l-familja tiegħu tkeċċiet minnha u li bħala Palestinjan, qatt ma jista’ jżur.
Adrian Grima (29.3.17)