Walid Nabhan fuq Facebook | April 4 at 5:50pm
Il-bieraħ jien u Adrian Grima temmejna ż-żjara kulturali tagħna fil-Palestina f’ġieh il-letteratura Maltija, imma qabelkollox, issiġillajna l-ħbiberija bnedmija ta’ bejnietna u għammednieha biż-żejt u s-sagħtar. Apparti minn hekk, filli kelli żewġt aħwa bniet u filli magħhom issa għandi lil Nathalie, biex aktar ninkwieta.
Tkellimna, kull fejn morna, fuq x’aħna nħażżu f’Malta u x’inhu l-kontunut tal-kitba tagħna (din it-‘tagħna’ għandi wisq xi nħarraf fuqha!) F’ħinijet partikolari kien il-ktieb t’Adrian “Masafat” jew “Distanzi” li tkellem għalina t-tnejn f’daqqa. Kuntent u mhux, avolja għadhom jiktbulna minn hemm biex jaraw kif jakkwistawh. Kuntent għax l-ewwel xogħol tiegħi bil-Għarbi ma kienx tiegħi, iżda ta’ vuċi ġenwina minn Malta. U mhux kuntent talli qed nagħmel għaġeb bi ktieb wieħed biss, meta rasi daqt tixpakka..
F’din iż-żjara skoprejna li m’hemmx differenza fil-polz uman fuq iż-żewġ naħat Mediterranji, qishom fula maqsuma, ħlief li forsi t-tħabbit ta’ qalb il-Palestina ħarira aktar mgħaġġel.. Skoprejna wkoll li l-belt tant mqaddes ta’ Betlem qed jitnaqqar b’mod sistematiku u b’ħeffa liemabħalha, kif uriena l-viċi president tal-Università ta’ Betlem minn fuq il-bejt tal-università – ġmielha tagħhom.. L-imsieken ħasbuna li għandna xi kanuni ħlief il-kelma.. Min jaf forsi ma riedu xejn ħlief li jiftħu qalbhom ma’ xi ħadd, u dan ix-xi ħadd inzerta aħna..
Skoprejna ukoll, li biex qsamna lura minn Amman lejn il-Palestina, ġietna qrib is-sitt siegħat meta f’siegħa u nofs tagħmilha.. għallinqas aħna u ħerġin minn Allenby Bridge f’Jericho, forsi bħala konsolazzjoni, kien hemm pulizija Ġordaniż bi tbissima ma taqta’ qatt. Tant saħħritni, ażżardajt ngħidlu ‘salvajt ġieh Ġordan sħiħ b’din id-daħqa’. Ta brikkun li hu, mid-dehra kien fuq l-istess frekwenza, qabad u qalli; ‘X’tagħmel sabiħ, hemm l-image tal-pajjiż fin-nofs!’..
Skoprejna wkoll, li Reuben Gauci bħala uman, allaħares issir tafu mill-viċin, u fl-istess ħin, allaħares ma ssirx tafu.. U bħala diplomat, il-Palestina ma setax kellha aħjar minnu, bejn bniedem b’kuxjenza nadifa u diplomat, tasal biex tafda Palestina sħiħa f’idejh, u hekk għamilna jien u Adrian Grima aħna u nevitaw għajnejh fil-mitjar ta’ Tel Aviv qabel ninfirdu minn miegħu..
L-aktar ħaġa prezzjuża li akkwistajt f’dan kollu u għalhekk qed inħalliha għall-aħħar, hija l-ħbiberija ta’ Rafel Grima li ta’ 16, ġabni fix-xejn bil-profondità u l-eligenza tal-moħħ tiegħu.. Ġa avvżajt lil missieru biex ma ‘jiddeffisx’ fil-ħbiberija tagħna.