
Dan ir-ritratt verament għal qalbi. Ħadtu lbieraħ il-Ħamis meta żorna l-uffiċċju fejn kien jaħdem Mahmoud Darwish f’Ramallah.
Ħallew l-iskrivanija tiegħu kif kienet. Kieku din ma kinitx art okkupata, kieku post bħal dan isir sit ta’ pellegrinaġġ nazzjonali u internazzjonali. Imma l-kolonizzazzjoni tbiddel ħafna affarijiet.
Il-kitba li hemm maġenb Walid Nabhan hija ta’ Darwish stess. Qalli li jrid jaqlibha għall-Malti.
Ħadna r-ruħ naraw din l-art mimlija enerġija minkejja l-anakroniżmu tal-kolonizzazzjoni. L-enerġija f’għajnejn it-tfal jiżfnu ż-żifna tradizzjonali tad-dabke fiċ-ċentru ta’ El Funoun f’al Bireh u l-enerġija f’għajnejn l-għalliema tagħhom li darba kienu tfal ukoll f’din l-istess binja; l-enerġija f’għajnejn il-voluntiera u l-ħaddiema f’ċentru soċjali u kulturali bħal tal-organizzazzjoni Reform f’Ramallaħ; l-enerġija f’għajnejn l-istudenti u l-awturi li ltqajna magħhom fi bliet differenti u li laqgħuna b’dirgħajhom miftuħin minkejja li ma kinux jafuna.
Ħafna Palestinjani qed jirringrazzjawna talli ġejna fosthom, talli qsamna l-poeżija tagħna magħhom. Naħseb li kultant ma jirrealizzawx kemm hu importanti għalina li qegħdin hawn, niħdulhom b’idejhom u nisimgħuhom.
Walid Nabhan – 6/4/2017
Il-poeżija mill-isbaħ ta’ Maħmud Darwish li minn dejjem xtaqt naqsamha (mill-ġabra ‘L-Effett tal-Farfetti’).. Nispera li sibt il-kliem ekwivalenti.. Ir-ritratt ta’ Adrian Grima..
Ilni għaxar snin, f’din il-għaxija, fuq siġġu żgħir tal-plastik, nħares lejn il-post mixgħuf bil-ġebel ħamrani. Ngħodd it-tarġiet sal-kamra tiegħi fit-tieni sular. Ħdax-il terġa. Fuq il-lemin siġra kbira tat-tin iddellel arbuxxell ta’ ħawħ. Lejn ix-xellug knisja Luterana. U maġenb it-taraġ ġebli hemm bir abbandunat u ħorża msadda u fjuri mhux msoqqija jassorbu l-ewwel qtar ta’ ħalib il-lejl.
Jien hawn, ma’ erbgħin oħra, biex naraw dramm ta’ ftit kliem dwar xi kerfju. Il-karattri minsijia tiegħu mifruxin fil-ġnien u fuq it-taraġ u t-terrazzin wiesa’. Dramm impromptu, jew għadu taħt il-kitba, bħal ħajjitna.
Nisraq ħarsa lejn it-tieqa miftuħa tal-kamra tiegħi u nistaqsi; Tgħid hemmhekk qiegħed? Togħġobni li nirrombla il-mistoqsija minn fuq it-taraġ sakemm indaħħalha fid-dramm. Wara kollox, xejn ma ħa jinbidel fl-aħħar kapitlu, kollox se jibqa’ f’postu.. Is-siġra tin fil-ġenb, il-knisja Luterana faċċata, in-Nhar ta’ Ħadd fil-kalendarju, il-bir abbandunat u l-ħorża msadda.. Kollox ħa jibqa’ f’postu ħlief li jien mhux se nkun f’kamirti jew fil-ġnien. Hekk jgħid il-manuskritt; ‘hemm bżonn xi ħadd assenti biex ittaffi t-toqol tat-teatru!’..