Bħala parti mill-programm tal-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Walid Nabhan u jien se naqraw ix-xogħol tagħna u nagħmlu taħditiet f’erba’ istituzzjonijiet edukattivi u kulturali fil-Palestina f’Marzu 2017.
Bir Zeit University, Ramallah 27 March 2017An Najah University, Nablus 28 March 2017Bethlehem University, Bethlehem 29 March 2017Reform Innovation Hub, Ramallah 30 March 2017

It-Tnejn 27 ta’ Marzu 2017
Minkejja li qatt ma ltqajna qabel, l-Università ta’ Birzeit laqgħuna bħalma jilqgħu lil xulxin il-ħbieb tal-qalb. Kultant naħseb li tlifna ħafna mill-umanità tagħna fl-Ewropa, anki aħna f’Malta Mediterranja. Laqgħuna, dawruna, fehmuna, urewna l-laboratorji tagħhom, laqqgħuna mal-letturi u l-istudenti. Tawna l-iżjed ħaġa prezzjuża, il-ħin. L-attenzjoni tagħhom. Il-qalb dejjem maqsuma u dejjem mimlija ħeġġa tagħhom.
Dalgħodu jien u Walid għamilna taħdita dwar il-letteratura kontemporanja Maltija. Tkellimna wkoll dwar L-Eżodu taċ-Ċikonji u dwar Masafat, il-ktieb tal-poeżiji tiegħi li Walid qaleb għall-Għarbi u ħareġ fi Frar il-Kajr (Sefsafa Publishing). U mbagħad qrajna l-poeżija tiegħi “Sebgħin Sena Tbenġil,” l-ewwel Walid bil-Għarbi, u mbagħad jien bil-Malti. Qabel ma qraha, Walid qal li meta ttraduċiha kien qisu qed jikteb dwar missieru. U wara kien hemm nies li qalulna li fiha raw l-istorja ta’ missierhom ukoll.
Il-poeżija għandha din il-maġija kumplikata, kultant inspjegabbli, li twassal l-umanità fraġli tagħna permezz tal-kelma, il-kelma fraġli, prekarja. Imma l-kelma hija vera. Bħall-qalb kbira tan-nies li laqgħuna f’darhom u semgħuna fl-Università ta’ Birzeit dalgħodu.
Wara laqgħa intensa mar-rettur u għadd ta’ uffiċjali oħrajn li fiha tkellimna fost l-oħrajn dwar il-kollaborazzjoni bejn l-Università ta’ Malta u l-Università ta’ Bir Zeit, dħalna fil-bini fejn konna se nagħmlu t-taħdita. U hemmhekk laqgħetna l-vuċi saħħarija ta’ studenta akkumpanjata minn pjanista li kantat “Mawtini,” l-innu popolari tal-Palestinjani kollha. Emozzjonatna. Walid beda jkanta magħha, mill-ewwel, u r-rappreżentant ta’ Malta fil-Palestina Reuben Gauci, li fassal din iż-żjara u qed jieħu ħsiebna daqslikieku konna l-familja tiegħu, qabiżlu d-dmugħ. Il-poeżija tal-vuċi, għal darb’oħra, għandha din il-ħakma saħħarija fuqna.
Fil-vuċi tagħha kien hemm f’salt wieħed id-diqa profonda ta’ okkupazzjoni li ssibha ma’ wiċċek kull fejn iddur, u l-ħeġġa mqallba ta’ ġenerazzjoni mimlija rieda u tama, ġenerazzjoni qalbha maqsuma imma dejjem miftuħa għall-oħrajn.