
Fetħu l-Applikazzjonijiet għad-Diploma fil-Letteratura Maltija
Fetħu l-applikazzjonijiet għal Diploma ġdida fil-Letteratura Maltija fl-Università ta’ Malta li se tibda f’Ottubru li ġej. Dan il-kors part-time ta’ filgħaxija, b’żewġ lezzjonijiet fil-ġimgħa ta’ tliet sigħat il-waħda, huwa mifrux fuq sentejn. Il-kors jiftaħ darba kull sentejn u qed jitmexxa mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta. Banif Bank u l-Kunsill Malti għall-Arti qed joffrul-għajnuna finanzjarja tagħhom lill-istudenti li jmorru tajjeb fid-diploma.
Il-lezzjonijiet jibdew f’Ottubru u se jsiru t-Tnejn u l-Erbgħa, mill-5:30 pm sat-8:30 pm.
Id-diploma tiffoka fuq l-analiżi u t-tħaddim tal-letteratura fis-seklu 21 u toffri bosta elementi li huma differenti minn dak li joffri l-Baċellerat tal-Malti. Dawk li huma interessati jistgħu japplikaw billi jidħlu f’din il-paġna tas-sit tal-Università minn issa sa qabel il-21 ta’ Lulju li ġej: www.um.edu.mt/apply.
Dawk li jixtiequ jidħlu għal dan il-kors universitarju bil-Malti jeħtieġu grad C jew ogħla fil-livell Avvanzat tal-Malti. Jistgħu japplikaw ukoll dawk li għalqu t-23 sena qabel il-ftuħ tal-kors: il-proċedura fil-każ ta’ dawn l-istudenti maturi tkun li ssirilhom intervista mid-Dipartiment tal-Malti.
Din id-Diploma qed titnieda fi żmien meta l-letteratura Maltija u l-istudju tagħha qed jaraw qawmien ġdid. Qed isir ħafna xogħol importanti kemm fl-istudju tal-lingwa u l-letteratura Maltija kif ukoll fl-oqsma tal-pubblikazzjoni, il-kitba kreattiva u t-tagħlim tagħha, l-organizzazzjoni ta’ avvenimenti letterarji nazzjonali u internazzjonali bis-sehem tal-awturi Maltin, u x-xandir tal-letteratura Maltija permezz ta’ mezzi differenti. Din id-Diploma għandha l-għan li tħejji lill-istudenti għal dawn ir-realtajiet analitiċi u kreattivi tas-seklu 21, utiftaħ toroq ġodda għall-arti tal-kelma.
Dan il-kors huwa maħsub għal nies impjegati f’diversi setturi kulturali, artistiċi, u kreattivi relatati mal-preżentazzjoni pubblika ta’ xogħlijiet letterarji bil-Malti. Huwa maħsub ukoll għal dawk li għandhom interess jaqbdu l-kitba kreattivabis-serjetà, u dawk li għandhom sehem attiv fl-addattament tal-letteratura Maltija għal forom artistiċi u dixxiplini oħra. Se jinteressa wkoll lil dawk lisempliċiment għandhom passjoni għal-letteratura u jixtiequ jkabbru l-għarfien tagħhom tal-forom ta’ kitba kreattiva bil-Malti, kemm tal-imgħoddi kif ukoll tal-preżent.
Bi ftehim mad-Dipartiment tal-Malti, Banif Bank (Malta) plc se jħallas il-miżata, sa massimu ta’ 2000 ewro, tal-kors tal-istudent jew l-istudenta li tiġi l-ewwel fil-kors, waqt li l-Kunsill Malti għall-Arti se jagħti għajnuna finanzjarja għall-aħjar erba’ proġetti ta’ studenti fit-tieni sena tal-kors.
“Banif Bank jemmen bis-sħiħ fl-importanza tal-edukazzjoni, u fil-promozzjoni tal-kultura u l-wirt ta’ Malta.” Skont Adrian Coppini, il-Kap Eżekuttiv għas-Servizzi Korporattivi ta’ Banif Bank, “m’hemm ebda wirt ikbar mil-lingwa materna tagħna. F’din l-epoka dejjem iżjed globalizzata, nittama li din id-diploma tgħinna biex nixħtu aktar dawl fuq il-Letteratura Maltija – kemm minn perspettiva purament akkademika, kif ukoll fl-applikazzjoni tagħha fil-ħajja kontemporanja.”
“L-assoċjazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti mal-promozzjoni u t-tagħlim tal-Letteratura Maltija għandha titqies bħala parti essenzjali mir-responsabbiltajiet tal-Kunsill.” Skont Albert Marshall, il-kap eżekuttiv tal-Kunsill, “it-tkabbir ta’ dan l-involviment għandu wkoll jitqies bħala impenn seminali fl-implementazzjoni tal-politika kulturali nazzjonali tagħna.”
Id-disinn tal-materjal promozzjonali tad-Diploma sar minn Panda Design u r-ritratti li ntużaw ittieħdu minn Virginia Monteforte.
Fl-applikazzjoni elettronika dawk li jixtiequ jinkitbu għal din id-diploma jridu jniżżlu l-indirizz elettroniku li jaraw regolarment. Dawk li għandhom ċertifikat tal-Malti fil-Livell Avvanzat jridu tindikaw il-grad li kisbu.
Id-deskrizzjoni dettaljata u avviżi oħra fuq il-kors jidhru kemm fuq is-sit tal-Università, www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/diploma-letteratura, kif ukoll fuq Facebook, www.facebook.com/uom.diplittmalt.
Aktar tagħrif jista’ jinkiseb b’ittra elettronika lil malti.arts@um.edu.mt jew b’telefonata lin-numru 2340 3387.