Il-Ħamis 13 ta’ Novembru 2014, fl-10.00am, Kit Azzopardi, tal-inizjattiva KUL, intervistani fir-rokna għall-pubbliku tal-Klabb Kotba Maltin fuq il-kotba tiegħi ta’ poeżiji u novelli għall-adolexxenti, Vleġġa Kkargata u Din Mhix Logħba. L-udjenza kienet magħmula minn studenti tal-MCAST. Għalija kienet esperjenza sabiħa. Jidhru li ħadu gost huma wkoll. Din kienet l-ewwel attività mis-sensiela Staqsini 20,
Is-Sibt 15 ta’ Novembru fl-10.00am, ħadt sehem għal darb’oħra fis-sensiela, bl-isem ta’ Staqsini 20, ta’ erba’ intervisti ta’ KUL ma’ awturi, din id-darba fuq ix-xogħol ta’ Concetta Brincat traskritt minn Maria Simiana u midjur għall-ortografija minn Reno Fenech (u Daniela Attard Bezzina). Maria Simiana u jien tkellimna ma’ Kit Azzopardi dwar is-sejba u l-editjar taż-żewġ rumanzi ta’ Cettina Brincat miktubin fl-1919 u l-1922.
Il-Ħadd 16 ta’ Novembru fis-1.00pm, Sala Temi Zammit
Fl-okkażjoni tal-250 anniversarju mit-twelid ta’ Mikiel Anton Vassalli, l-Għaqda tal-Malti tal-Università organizzat diskussjoni bl-isem ta’ “Minn Vassalli sa Vella Gera.” Jien kont wieħed mill-kelliema, flimkien ma’ Emanuel Psaila, il-Prof. Arnold Cassola, u Elena Cardona. Id-diskussjoni tmexxiet minn Clifford Jo Zahra.
Mikiel Anton Vassalli kien ħassieb, riformatur u ribell; dak li lemaħ fil-bogħod il-qawmien għaqli tan-nazzjonalità Maltija. Matul is-snin Malta rat bosta kittieba oħra li, bħal Vassalli, ħallew impatt mhux biss fuq l-identità Maltija iżda anke fuq il-lingwa nnifisha. Dawn il-kittieba, anke jekk trattaw it-temi minn angoli differenti jew użaw stili u tekniki differenti, kollha nixxew minn ta’ qabilhom. Kollha ħadmu l-għarfien ta’ dawk li ġew qabilhom biex ħolqu l-ġdid. Illum, b’dil-bagalja ta’ kitba wasalna għal ġenerazzjoni ta’ kittieba li qed jesploraw territorji ġodda bħal Alex Vella Gera, li jmur lil hinn mill-ideal li ried iwassal Vassalli.
Il-Ħadd, 16 ta’ Novembru 2014, l-Għaqda tal-Malti – Università se ttella’ attività li se tagħti ħarsa lejn il-lingwa minn żmien Vassalli sa Vella Gera. Permezz tal-lingwaġġ użat minn kittieba bħal Juann Mamo, Gużè Ellul Mercer u Rena Balzan, se nieħdu idea ta’ kif żviluppa l-Malti fil-letteratura li hi rifless tas-soċjetà fiż-żmien li nkitbet fih.
Din l-attività waqt il-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se tibda fis-13:00, fis-Sala Sir Temi Zammit, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, il-Belt Valletta, u qed tkun ikkordinata mill-volontiera tal-Għaqda.
Wara jkun hemm bibita. Id-dħul huwa bla ħlas.
