Adrian Grima | Reċensjoni ta’ Epistoli mid-Deżert ta’ Mario Azzopardi, Horizons, 2014 fil-gazzetta Il-Mument, 21 ta’ Diċembru 2014.
Il-poeta ewlieni Mario Azzopardi, wieħed mill-aktar awturi rappreżentattivi ta’ dawn l-aħħar ħamsin sena ta’ poeżija Maltija, għadu kemm ħareġ ġabra ta’ poeżiji u “poesaġġi” bl-isem ta’ Epistoli mid-Deżert. Il-poeta jissuġġerixxi li huwa bniedem “imbiegħed mis-saħna tal-folla.” Imma dan ċertament ma jfissirx li Mario Azzopardi huwa awtur li joqgħod lura milli jieħu sehem sħiħ fil-ġrajja pubblika permezz tal-letteratura u l-kumment regolari tiegħu.
It-titlu ta’ din l-edizzjoni sabiħa, xogħol id-dar tal-pubblikazzjonijiet Horizons (2014), minnufih jissuġġerixxi n-natura intima u sobrija tal-kitba. Imma dawk li jsegwu mill-qrib il-poeżija ta’ Azzopardi u qed ifittxu lingwa mqanqla li tisfida l-ordni, it-tip ta’ impenn politiku li kkundanna lil Vassalli (“Poeżija lil Vassalli”) mhux se jiddiżappuntaw ruħhom, għax f’dan il-ktieb m’hemmx biss ir-riflessjoni tturmentata li donnu jissuġġerixxi t-titlu.
Azzopardi dejjem wettaq il-fehma li l-awturi għandhom ir-responsabbiltà li jieħdu sehem attiv u pubbliku fis-soċjetà u li bħala figuri pubbliċi, l-esperjenza tagħhom, anki dik privata, għandha relevanza pubblika. F’dan is-sens, il-kittieb Mario Azzopardi għażel minn jeddu li jkun ktieb miftuħ. Element qawwi ta’ dan l-impenn pubbliku jerġa’ jidher f’din il-pubblikazzjoni ġdida u jiktbu fuqu kemm Charles Briffa fil-prologu tiegħu kif ukoll Patricia Gatt fl-epilogu.
Fil-qalba nett, dan huwa ktieb li fih il-poeta jkompli jesplora l-kurituri li fihom jittama li jsib ftuħ li jħarrbu minnu nnifsu (“Żewġ Strofi”). Nissuspetta li din il-qalba lirika se tkun l-element li jibqa’ l-iżjed meta jgħaddi ż-żmien minn fuq dan il-ktieb miftuħ.
X’Se Jħalli Warajh il-Poeta
Il-poeta joħloq, għal darb’oħra, “masġar ta’ xbihat” intensi u sikwit memorabbli li fihom ifittex “imqar vers” li kapaċi jifdih minnu nnifsu, mill-ansjetajiet u d-dubji tiegħu (“Żewġ Strofi”). Imqar vers li jifdih mit-turmenti tal-uċuħ u l-waqtiet mill-passat li jkiddu lil kull bniedem u bniedma u li fil-poeżija tiegħu jsiru preokkupazzjoni ossessiva. Il-poeżija l-ġdida tiegħu hija kkaratterizzata, għal darb’oħra, minn nixxiegħa ma taqta’ xejn ta’ xbihat li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj tal-kuxjenza tagħna, b’dik li Patricia Gatt issejħilha “l-forza tal-figurazzjoni poetika” tiegħu.
Hawnhekk tidher, aktar minn qatt qabel, il-ħtieġa ossessiva ta’ poeta li jiddefinixxi, għalina u għal dawk ta’ warajna, il-poeżija tiegħu, poeżija li “Tinkiteb imdeffsa fil-mikrobi. / Tinkiteb bix-xewk tal-kaktu” (“Abbozz għall-Poeżija Tiegħi”). Kultant hemm l-awtoironija kburija li tfakkrek fil-poeżija punġenti, għarwiena, ta’ Marjanu Vella, “Fil-Funeral ta’ Marjan Kruptos, Pöeta,” it-testment memorabbli tiegħu.
Bħal f’Marjanu Vella, f’Azzopardi hemm il-preokkupazzjoni ta’ kull awtur u awtriċi li ma jinftehmux, jew li l-inkonvenjent kroniku tal-kelma tagħhom jintuża għall-konvenjenza ta’ ħaddieħor. Azzopardi dejjem jara l-poeżija tiegħu bħala poeżija prekarja, poeżija fix-xifer, miktuba “fil-mument tat-trombosi,” u proprju minħabba din il-prekarjetà endemiku, din l-iskumdità bħallikieku patoloġika, jaraha bħala poeżija li “Tinkiteb bil-linka tad-demm / tar-rivolta” (“Abbozz għall-poeżija tiegħi”).
Din il-ħtieġa ta’ awtodefinizzjoni jistabbiliha mill-bidu nett, mis-sottotitlu tal-ktieb, għax il-poeta jara lilu nnifsu bħala “inġinier tal-kelma, jaħdem bil-prekarjat fil-bini tat-Torri l-Ġdid ta’ Babel postmoderna.” U din il-ħtieġa jagħlaq biha: “X’jgħaqqad tgħid, l-antoloġiji tiegħi?” Għax mal-mistoqsija ċentrali li titturmentah dwar “x’għad tiftakru minnhom?,” mill-poeżiji tiegħu, joffri wkoll għadd ta’ tweġibiet possibbli li jagħtuna ħjiel ta’ kif jaqra l-poeżiji tiegħu l-poeta stess. Il-poeta huwa qarrej privileġġjat tal-poeżija tiegħu. Imma wara li jikteb, mill-figura tal-poeta jibqa’ l-qarrej ta’ ġo fih li huwa qarrej wieħed fost għadd ta’ qarrejja. Jibqa’ l-bniedem li jkollu, aktarx bla ma jrid, jerħi l-kreaturi tiegħu f’idejn ħaddieħor. Ikollu jwettaq, tabilfors, att ta’ fidi fil-qarrejja tiegħu, il-ġens Malti “dejjem illuppjat” ta’ “Poeżija lil Vassalli,” metafora tipika tal-Moderni, anki meta ma jkollux fidi.
Il-Ktieb u l-Kuntest
Fid-daħla tiegħu dwar “L-Endgame ta’ Awtoritrattist?,” Charles Briffa jispjega l-kuntest bijografiku tal-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktieb u jikkummenta dwaru bħala testment ta’ Mario Azzopardi: “Is-saħħa tal-awtoritratt letterarju,” jikteb Briffa, “ma tħallix dan il-ktieb isir remettar ta’ moħħ anzjan li jirrealizza li lanqas il-fantasija ma għandha l-aħħar kelma. Imma l-awtoritratt (li nemmen huwa t-testment tal-poeta) isib lilu nnifsu ħati – ħati tal-kitba. U l-preżenza tal-kitba nnifisha tiġi fforgrawndjata.”
Fl-epilogu tagħha għal dan il-ktieb ta’ Mario Azzopardi, “Bejn li tbassar u [forsi] tikkonkludi,” Patricia Gatt tipprova tikkuntestwalizza din il-ġabra “fil-qafas tal-interess kritiku fl-aħħar xogħlijiet artistiċi qabel il-mewt,” imma tistqarr minnufih li hi konxja mill-periklu li toħloq “forma ta’ mitoloġizzazzjoni.” Gatt tara t-tema tal-finalità bħala element li dejjem kien preżenti fil-poeżija ta’ Azzopardi, iżda bdiet tidher “b’insistenza oppressiva u kważi soffokanti” l-ewwel fil-kollezzjoni ta’ poeproża Skizzi tal-Karnival (2010) u mbagħad fil-ġabra ta’ poeżija u poeproża Il-Fabbrikant tal-Marjunetti (2012). Din hija preokkupazzjoni mitwielda fil-kompożizzjoni nfisha tan-natura umana, imma hija wkoll, f’Epistoli mid-Deżert, riżultat dirett tal-kriżi f’saħħet il-poeta li f’April tal-2013 tatu puplesija li qalbitlu ħajtu ta’ taħt fuq.
Fuq din it-tema ċentrali f’din il-ġabra, Patricia Gatt tinnota li Azzopardi jerġa’ jiddjaloga ma’ poeta li nebbħu sa mill-bidu tal-missjoni poetika tiegħu, Allen Ginsberg. F’“Messaġġi Skabrużi” Azzopardi jirreferi għal vers minn poeżija miktuba minn Ginsberg lejn l-aħħar ta’ ħajtu, poeżija, kif tiddeskriviha Gatt, dwar “il-patetiċita ta’ ġisem li kulma jmur qed isir iktar dgħajjef.”
L-intertestwalità hija karatteristika oħra ta’ din il-ġabra u ġabriet oħrajn ta’ Azzopardi. F’“Pellegrina minn New York,” jikkwota minn “Siesta in Xbalba” ta’ Ginsberg ukoll: “there is an inner / anterior image / of divinity / beckoning me out / to pilgrimage. // O future, unimaginable God.” Il-metafora tal-pellegrinaġġ hija tipika ta’ poeta li jirrikorri kontinwament għal-lingwaġġ reliġjuż biex jirrakkonta l-istorja tiegħu. Huwa pellegrinaġġ li fih il-fdalijiet tad-diskors tal-Bibbja, tal-kultura Kattolika, u tal-letteratura u l-kultura Maltija u dinjija huma elementi kostituttivi tal-lingwa letterarja tiegħu, kultant tal-aktar mumenti sinifikattivi tagħha. Min-naħa l-oħra, inħoss li kultant il-fdalijiet tad-diskors medjatiku ironizzat itellfu mill-forza ħarxa, saħħarija tal-poeżija naturali tiegħu. F’“Asteriski dwar is-solitudni” jistqarr li l-poeżija “tinxtorob bħal kamoxxa,” li “tnixxi / bħal ulċera li taqqbet l-istonku.” Inħoss li l-isbaħ mumenti, u hemm ħafna minnhom, jinsabu proprju f’dawn ix-xbihat imwiegħra.
Post Assigurat
Mario Azzopardi m’għandux għalfejn jinkwieta: Il-post tiegħu bħala poeta ewlieni fil-ġrajja tal-letteratura żagħżugħa tagħna huwa assigurat. Il-forza tar-ritmi u x-xbihat tal-versi tiegħu f’Epistoli mid-Deżert u ġabriet oħrajn tal-poeżija se jibqgħu jsaħħruna. U jiskomodawna.
Dr Adrian Grima jgħallem il-letteratura Maltija fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università
Novembru 2014