
Isma’ l-ewwel parti tal-intervista
Nhar l-Erbgħa 16 ta’ Lulju 2014 kont fl-istudios tal-SBS għal intervista twila ma’ Marlene Galea, waħda minn żewġ xandara tas-servizz bil-Malti tal-SBS fl-Awstralja. L-istudios, mill-isbaħ, jinsabu f’Federation Square fil-qalba tal-belt ta’ Melbourne. B’kollox l-SBS ixandar b’74 lingwa.

Ma’ Marlene Galea tkellimt dwar għadd ta’ suġġetti, fosthom il-qari li għamilt mal-Grupp Letteratura Maltija tal-Victoria, fuq stedina ta’ Paul Vella, nhar il-Ħadd 13 ta’ Lulju, u t-taħdita dwar “Pretty Brits and Sleeping Poles” li għamilt f’laqgħa apposta tal-Malta Historical Society tal-Awstralja fuq stedina ta’ Joseph Borg. Tkellimna dwar il-letteratura Maltija li tinkiteb fl-Awstralja: jien għedt lil Marlene li nħoss li m’għandi ebda dritt ngħid lill-awturi Maltin-Awstraljani biex jiktbu mod ieħor, għax il-letteratura li tikteb trid tirrifletti dak li tixtieq tgħid u l-mod kif tixtieq tgħidu. Li hu żgur huwa li aħna f’Malta rridu nkunu ferm iktar konxji minn dak li qed jinkiteb mid-djaspora u li bil-varjetà fl-istili l-letteratura Maltija tistagħna.
Kelli wkoll l-opportunità nsemmi l-qari li se nagħmel f’Federation Square fis-16 ta’ Awwissu bħala parti mis-sensiela poetry@fedsquare, u t-taħdita akkademika li se nagħmel fl-Università ta’ La Trobe dwar ir-rappreżentazzjoni tal-Mediterran fil-letteratura Maltija.
Tkellimna wkoll dwar il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta organizzat minn Inizjamed li din is-sena se jsir bejn l-4 u s-6 ta’ Settembru. Marlene staqsietni dwar l-għajnuna li tirċievi l-letteratura Maltija f’Malta u għedtilha li filwaqt li saru passi kbar ‘il quddiem bil-ħolqien tal-Kunsill tal-Arti u l-Malta Arts Fund, neħtieġu infrastruttura ferm iktar mifruxa biex ikollna bażi soda, anki fuq livell internazzjonali.
—
L-ewwel parti tal-intervista tiegħi ma’ Marlene Galea fuq SBS Radio se tixxandar fil-25 ta’ Lulju 2014 bejn 12.00pm u s-1.00pm ħin Awstraljan fuq 93.1 FM u fuq il-live stream ta’ SBS 2.
—
Isma’ l-ewwel parti minn intervista bil-Malti fuq l-istazzjon tar-radju SBS.
—
Ħoloq utli:
http://www.sbs.com.au/yourlanguage/maltese
https://www.facebook.com/pages/SBS-Maltese/122556091126233
—