Nhar l-Erbgħa, 16 ta’ Lulju 2014 kont il-mistieden tal-proġramm bil-Malti, Maltese Magazine ta’ Ray Anastasi, Mary-Louise Anastasi u Joseph Farrugia fuq ir-radju tal-komunità Stereo 974 fuq il-frekwena 97.4 FM ta’ Melbourne.
Kienet esperjenza sabiħa għax kelli l-opportunità nsegwi dan il-programm ta’ sagħtejn live, bejn is-6.00pm u t-8.00pm, u fl-istess nitkellem dwar it-tfulija tiegħi, naqra silta mill-istorja “Venja” u għadd ta’ poeżiji, fosthom “Ħallejt Ġenbejk fuq Ruħi,” Kif Wasalt,” u “Spazji Oħra.”
Apprezzajt ħafna r-reazzjoni tas-semmiegħa li ċemplu matul il-programm biex jikkummentaw dwar is-sehem tiegħi. Jidher li dan huwa programm segwit b’mod regolari minn udjenza Maltija li tistenna bil-ħerqa l-qari ta’ rumanz popolari Malti, u l-aħbarijet minn Malta u mill-komunità Maltija f’Victoria.
Grazzi speċjali ta’ Ray u Mary-Louise Anastasi talli stednuni għal dan il-programm u ħadu ħsieb iwassluni.
—