Adrian Grima
minn http://juannmamo.wordpress.com/brutish/
L-għada li bgħatt il-verzjoni finali tal-ktieb Personaġġi f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo lill-Gutenberg biex jiġi stampat inzertajt lill-kollega tiegħi Olvin Vella l-Università u semmejtlu dettall li kien ħabbatni ferm fil-kitba ta’ dan il-ktieb: fit-tieni kapitlu tar-rumanz tiegħu, Juann Mamo jikteb hekk:
Fiż-żmien li aħna proprja fih, fir-raġġi tax-Xemx XX, il-president tar-Royal Commission Ingliża li ġiet Malta, qal għalina li għandna l-għonq “The people are in such a state of brutish ignorance, etc.” (Il-poplu huwa fi stat ta’ injoranza bestjali, li għandha minn tal-bhejjem, eċċ”) p. 82.
Ikkonsultajt fit-tul ma’ żewġ storiċi ewlenin li kienu diġà għenuni f’xogħol ieħor li għamilt fuq is-Sensiela Juann Mamo, Dominic Fenech u Henry Frendo, u għamlu ħilithom biex jgħinuni, iżda bqajt ma stajtx naqbad għal liema Kummissjoni Rjali qed jirreferi Mamo f’dan il-kumment tiegħu. Min qal dan il-kliem? B’liema spirtu qalu? F’liema kuntest iltaqa’ miegħu Juann Mamo?
Olvin Vella tani t-tarf li kelli bżonn mill-ewwel, għax bħala riċerkatur tal-istorja tal-ilsien Malti kien qara dan il-kumment fil-ktieb ta’ Geoffrey Hull, The Malta Language Question: A Case Study in Cultural Imperialism (Malta: Said International, 1993).
Il-Kummissjoni Rjali li qed jirreferi għaliha Mamo hija fil-fatt dik tal-1836 immexxija minn George Cornewall Lewis, John Austin u William Ewart. F’korrispondenza li kelli miegħu wara li identifikajna s-sors ta’ Mamo (22.10.13), Henry Frendo jinnota li “Il-frażi korretta hi ‘such a brutish state of ignorance’ u jargumenta li t-tort, skont il-kummissarji, kien tal-Ingliżi (Hull, p. 15).”
Dan il-kliem kitbu f’ittra l-istatista u studjuż Sir George Cornewall Lewis. Din l-ittra privata lil missieru miktuba fl-1837 meta kien Malta ġiet ippubblikata fi ktieb ħafna snin wara mewtu. Il-Mons. Enrico Dandria (1892 – 1932), politiku Nazzjonalista li għamel erba’ snin Ministru tal-Edukazzjoni bejn l-1923 u l-1927, irrefera għaliha meta xehed quddiem il-Kummissjoni Rjali fid-9 ta’ Ġunju 1931. Dak iż-żmien Mamo kien għadu qed jikteb ir-rumanz.
L-ittri ta’ Cornewall Lewis ġew ippubblikati fl-1870 f’Londra. Il-paġna “82″ li jsemmi Mamo tirreferi għall-paġna fil-ktieb tal-ittri li minnha ttieħdet din il-kwotazzjoni.
F’ittra miktuba fit-8 ta’ Ottubru tal-1836 f’Marsilja qabel ma baħħar lejn Malta, fejn wasal fl-20 ta’ Ottubru, George Cornewall Lewis jgħid lil ommu li fost in-nies ta’ Marsilja “There is a vast deal of superstition among all classes – as much as in Italy; the mass of the people are in a very brutish state” (62). L-espressjoni “brutish state” hija l-istess waħda li juża, ftit xhur wara, għall-Maltin.
L-ittra li jikkwota minnha Mamo fir-rumanz Cornewall Lewis kitibha meta kien Malta fil-15 ta’ Lulju 1837. L-awtur jgħid lil missieru li Malta kien hemm l-epidemija tal-kolera. F’ħames ġimgħat kienu diġà mietu kważi 2,000 ruħ minn popolazzjoni ta’ 120,000, bejn 100 u 120 ruħ kuljum, u l-vittmi kienu l-aktar mill-klassi tal-ħaddiema. Skont l-awtur, it-tobba u dawk kollha li kellhom irażżnu l-marda ma qdewx dmirhom. Barra minn hekk, “the people have shown the utmost want of prudence, combined with the most stupid and selfish cowardice, and accordingly the disease has made much more havoc than it would otherwise have made” (81).
Il-kwotazzjoni li tinkludi l-kliem li jirreferi għalih Mamo hija din:
The people are in such a brutish state of ignorance, and their moral state is so degraded, that it is perfectly désespérant* to have anything to do with them. Such are the effects of a paternal military despotism, which rules people by keeping them in ignorance and dependence.
Dak kollu li ktibt fil-ktieb tal-Personaġġi dwar dan il-kumment ta’ Mamo huwa korrett għax jgħin biex nifhmu l-kuntest storiku. F’dan is-sens, dak li ktibt hawn fuq huwa żieda importanti ma’ dak li hemm f’p. 66.
* ‘désespérant’ tfisser “toħloq sens ta’ disprament”
—