Kanzunetta fl-Era tal-Kirurġija

Tnedija tal-album Hawn Jien ta’ Corazón

Ara l-programm kollu tat-tnedija li jinkludi d-diskors “Il-Kanzunetta fl-Era tal-Kirurġija” (Jannar 2014)

Nhar is-Sibt 11 ta’ Jannar fis-Sala Temi Zammit tal-Università ta’ Malta f’Tal-Qroqq, mimlija sa ruħ ommha bin-nies, il-kantawtriċi Corazón nidiet l-album tagħha Hawn Jien, bl-appoġġ tal-Kunsill Nazzjonali tal-Islien Malti u d-Dipartiment tal-Malti tal-Università.

corazon-tnedija-sala_11.1.14

Corazón talbitni biex nagħmel kumment fil-bidu tas-serata. Il-kumment sħiħ ġie ppubblikat fil-ktejjeb li ppreżentat mal-album fit-tnedija. Dan ta’ hawn taħt huwa d-diskors qasir li għamilt fit-tnedija. Qabel ma bdejt, f’ismi u f’isem Dr Bernard Micallef, Kap tad-Dipartiment tal-Malti tal-Università, fraħt lil Corazón u lil dawk kollha involuti f’dan il-proġett, fosthom Dominic Galea, ta’ dan l-album importanti għall-kultura f’Malta.

Corazón qed tippreżenta dan l-album intens tagħha “Hawn Jien” fi żmien meta l-kanzunetta Maltija għaddejja minn mument ta’ tiġdid. Illum għandna ġenerazzjoni ġdida ta’ kantawturi u gruppi, bħall-Brikkuni, Kantilena u Plato’s Dream Machine, li qegħdin jesperimentaw b’lirika u b’mużika li tirrifjuta l-konfini stretti ta’ konvenzjoni stilizzata.

Waqt li f’ħafna mill-“kanzunetti tal-festivals” il-lirika tinbela’ minn frażijiet prefabbrikati li jidħlu wara xulxin qishom biċċiet f’jigsaw puzzle użata bix-xfar imtajrin, il-lirika ta’ din il-kanzunetta l-ġdida hija sikwit imprevedibbli, kultant trasgressiva u irreverenti, imma dejjem, fis-sens wiesgħa, poetika. It-tema predominanti fil-kanzunetta tal-festivals hija l-imħabba, iżda t-trattament tagħha huwa superfiċjali u mimli sterjotipi. Filwaqt li jirrikonoxxi li anki fil-festivals “kummerċjalizzati” jista’ jkun hemm “għanjiet ta’ livell artistiku tajjeb,” il-Professur Manwel Mifsud iħoss li l-għanja kitsch tal-festivals “hu ta’ min jiġġilidha, għallinqas indirettament, billi noffru alternattiva għaliha.” Minkejja li mhijiex parti mill-mewġa ta’ kantawturi u gruppi li jiktbu lirika li ta’ spiss hija trasgressiva u irreverenti, inħoss li Corazón jirnexxilha toffri din l-alternattiva li qed isemmi Manwel Mifsud mingħajr ma tnaffar lil dawk li jħobbu l-festivals tal-kanzunetti.

Dan l-album isellem b’mod konxju lil wieħed mill-kantawturi ewlenin, Walter Micallef, li jkanta ma’ Corazón f’“Tal-Aħħar,” kanzunetta li tematikament u stilistikament tidwi wħud fost l-isbaħ kanzunetti ta’ mħabba, jew tmiem tal-imħabba, ta’ Walter Micallef stess. Permezz ta’ dan id-dwett Corazón issellem lil dik il-kanzunetta Maltija li tgħożż u li nebbħitha biex tfittex il-kelma bil-qalb tal-artista u bil-moħħ ta’ min irid jieħu s-sengħa tiegħu bis-serjetà.

corazon-walter-tnedija-11.1.14
Corazón u Walter Micallef

Min-naħa l-oħra hemm elementi li fihom dan l-album jinqata’ b’mod ċar mit-tip ta’ riġenerazzjoni li ilha għaddejja issa numru ta’ snin fil-kanzunetta bil-Malti u li ġibdet l-attenzjoni ta’ udjenzi alternattivi. M’iniex bniedem tal-mużika u għaldaqstant m’iniex se nazzarda nispekula dwar it-triq mużikali li qabdet Corazón imma nissuspetta li mhijiex imbiegħda wisq minn dik li qabdet fil-lirika li tfittex li tappella għal udjenza kbira, anki dik li tattendi l-festivals, filwaqt li tibqa’ tikteb materjal “fittiexi” u impenjattiv. Għax fil-kanzunetta tagħha tispikka l-kelma, il-kelma bix-xfarijiet kollha tagħha, il-kelma sħiħa, qisha għadha kemm inqatgħet mill-barriera u tista’ tara d-daqqa tal-lupa fuqha. Hija kelma sħiħa, “nadifa,” li tasal għandna b’immedjatezza, b’ċarezza li kważi kważi tiskomodana. U f’dawk il-mumenti meta tinstema’ l-vuċi waħedha mal-pjanu tieħu l-impressjoni li m’hemm bżonn xejn iktar, li f’dak id-djalogu hemm biżżejjed poeżija. Goethe kiteb li l-mużika ta’ vera hija dik li tinkiteb biss għall-widna; vuċi sabiħa hija l-iktar ħaġa universali li tista’ taħseb fiha (Sgalambro 23). Mhix nieqsa mill-vuċi u l-poeżija Corazón.

Naħseb li l-kanzunetta Maltija tista’ tiggwadanja ħafna jekk tesplora l-poeżija Moderna u kontemporanja bil-Malti. Mhux il-poeżija Romantika, għax dik toffri lingwaġġ li l-kanzunetta tagħna ħadet minnu biżżejjed, u żżejjed. Kanzunetti bħal “Fid-Dar tan-Nanna” u speċjalment “Mill-Għajnejn ta’ Tifla” jfakkruni fil-poeżija ta’ Simone Inguanez u l-ġabra straordinarja tagħha ftit mara ftit tifla, imma anki l-poeżija ta’ Lillian Sciberras, Simone Galea, Claudia Gauci, Maria Grech Ganado, u Nadia Mifsud li qed jimirħu f’oqsma li qatt ma żaret qabilhom il-poeżija Maltija. Għad m’hemmx biżżejjed djalogu tal-kanzunetta mal-poeżija l-iktar impenjattiva. Il-poeżija l-ġdida tista’ tgawdi wkoll minn djalogu ikbar mal-mużika, u l-poeti jistgħu jinvolvu ruħhom b’mod dirett fix-xena mużikali alternattiva u stabbilita. Il-kanzunetta popolari tiġi akkużata li hija superfiċjali u l-poeżija tiġi akkużata li hija stramba u riservata. Joe Friggieri huwa eżempju wieħed fost oħrajn ta’ poeta ewlieni li għamel suċċess fil-qasam tal-mużika, iżda m’hemmx biżżejjed poeti li daħlu b’ruħhom u b’ġisimhom f’dan il-qasam tewmi tal-kanzunetta.

Kemm minħabba l-aċċess faċli għal udjenza dejjem ikbar permezz tal-internet u l-formati diġitali, kif ukoll minħabba l-interess li qanqlu fost udjenzi ġodda l-gruppi u l-kantawturi l-iktar avventurużi, dan huwa żmien tajjeb biex il-kanzunetta bil-Malti, bħal dik ta’ Corazón, tissogra taqbad toroq ġodda.

corazon-tnedija-pjanu_11.1.14

Fil-qalba tal-kanzunetta tagħha hemm konċezzjoni intensa tal-kanzunetta li tinħass f’xogħol bħal “Valz” li fih tqabbel relazzjoni ta’ mħabba ma’ kanzunetta: “Kemm kantajna flimkien,” tgħid, “Versi sħaħ mingħajr kliem.” L-emozzjonijiet kbar tal-imħabba, it-tregħid fiżiku ta’ persuna li tħoss persuna oħra tersaq lejha bil-mod jixħtu dawl fuq l-idea tagħha ta’ kanzunetta bħala esperjenza intima, intensa, li triegħed il-ġisem minn ġewwa nett.

Minħabba l-emozzjonijiet li ħafna drabi tqanqal, l-eżistenza tal-kanzunetta tinħass f’salt fl-applawżi li waqt li jimlew kullimkien jagħtuha eżistenza ġdida fil-post, eżistenza wara l-eżistenza (Sgalambro 32). Bħala awtriċi tal-kliem u kompożitriċi tal-mużika tagħha, Corazón tagħti lil album bħal Hawn Jien identità tematika u stilistika, ċerta sħuħija fil-ħoss u l-emozzjoni li jagħżlu lix-xogħol tagħha minn ta’ dawk li mhumiex kantawturi u għaldaqstant m’għandhomx il-possibbiltà, jew ix-xorti, li jinvolvu ruħhom f’kull fażi tal-kreazzjoni tal-kanzunetta. Nissuspetta li fil-ħin tal-applawż wara li tinstema’ l-kanzunetta ta’ Corazón l-emozzjonijiet li tqanqal fina jiġu mill-bogħod u mill-fond, mill-esperjenzi tagħna wkoll, u jħallu s-sinjal uniku tagħhom fuq qalbna.

Għal aktar informazzjoni dwar dan l-album ta’ Corazón, u kif tista’ tixtrih, iktbilha fuq hawnjien2013@gmail.com.

corazon_hawn-jien

Minbarra paġna fuq Facebook, għandha sit uffiċjali hawnhekk: http://www.corazonmizzi.com/

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s