Bumper to Bumper

M’iniex xi espert tat-trasport u d-dinamika tiegħu. Imma bħala ċittadin komuni nittama li l-Gvern jagħmel għażliet għaqlin issa li se jintgħażel operatur ġdid tas-servizz tat-trasport pubbliku.

Minn dak li nara jien l-isfidi għat-trasport f’Malta huma verament kbar, u xejn ma jista’ jsir jekk il-Gvern ma jħarisx lejn is-sitwazzjoni kollha kemm hi. Għalxejn nimlew Malta bil-flyovers jekk xorta teħel fir-roundabout li jmiss.

Image

Veru, hemm postijiet fejn jinġema’ ħafna traffiku għax jiltaqgħu toroq arterjali, imma huwa veru wkoll li l-problema hi li għandna wisq karozzi u ebda karozza tal-linja mhi se tagħmel il-mirakli ladarba t-traffiku jeħel kullimkien.

Pont bejn Bumper u Bumper
Forsi parti mis-soluzzjoni hi li nużaw iżjed muturi u nżidu s-sigurtà għal min jużahom; li nużaw iżjed it-trasport bil-baħar bejn il-bliet u l-irħula ta’ mal-baħar; u li nnaqqsu l-użu tal-karozza minn persuna waħda billi nagħmlu iżjed vjaġġi flimkien.

Imma żgur li ebda proposta parzjali ma tista’ twarrab il-ħtieġa ta’ pjan fit-tul, u inevitabbilment diffiċli, radikali, li jirregola l-mod kif nivvjaġġaw minn post għal ieħor f’pajjiżna. Dawn huma deċiżjonijiet li jaffettwaw ħajjitna, il-mod kif norganizzawha, u għalhekk huwa għażliet li mhux lakemm tagħmilhom u tippretendi li kulħadd se jaċċettahom.

Imma huma deċiżjonijiet kbar li jridu jittieħdu. Pont bejn Malta u Għawdex, ngħidu aħna, ikompli jżid il-problemi tat-traffiku għax ikompli jagħfas fuq l-użu tal-karozzi minflok jinvesti fuq trasport bil-baħar dirett bejn Għawdex u postijiet ċentrali f’Malta, bħall-Belt, il-Kottonera, Tas-Sliema, San Pawl il-Baħar.
Image

Meta toqgħod taħseb fuqha, Malta hija post ideali għal sistema pubblika tat-trasport. Pajjiż daqs nitfa – qisu belt imdaqqsa fl-Ewropa – b’popolazzjoni relattivament kbira ħafna. Jiġiifieri għandek numru kbir ta’ nies li jridu jivvjaġġaw distanzi żgħar. Ideali, le? Kif tista’ ma tkunx finanzjarjament sostenibbli? Ma nistax nifhem.
Is-soċjologa Anna Zammit tgħid fuq Facebook li
“Sfortunatament saret ħafna ħsara, fil-passat riċenti, għaliex daħħalna mentalità li tadura l-karrozza privata. Fl-attiviżmu passat tiegħi niftakarni neħduha kontra gvern li kien jiftaħar bin-numru ta’ karrozzi li deħlin fil-pajjiż!!! U dan flok investiment serju fit-trasport pubbiku! Issa l-problema hemm qiegħda u diffiċli traġġa’ l-arloġġ, lura speċjalment f’dan il-każ, imma jibqa’ ammont ta’ passiġġieri li jiddependu minn dan it-trasport.”
Anna Zammit tittama li l-iżbalji li saru fl-imgħoddi tgħallimna minnhom u li l-Gvern se jżomm il-wegħdiet li għamel meta l-Partit Laburista kien fl-Oppożizzjoni. Anna Zammit
“konvinta li l-ideali ta’ Mizzi mhumiex neoliberali bħal ta’ Gatt, jekk xejn inqas neoliberali żgur, imma kemm l-operatur il-ġdid se jkun jista’ jopera ma nafx. Jalla jiġu vetturi iżgħar u li ma jniġġsux!”
Iżda l-Gvern ġa ħabbar li l-karozzi tal-linja tal-Arriva se jinżammu, anki wara l-perjodu tranżitorju. Almenu jien hekk fhimt.

Raġuni Twila Ħames Snin

Gvern idum massimu ta’ ħames snin. It-tul ta’ leġislatura waħda. Ministru ġieli jdum inqas minn hekk. U ġieli jdum iżjed. Imma min għandu f’idejh il-ġejjieni ta’ pajjiżna fejn jidħol it-trasport irid jara ferm iżjed ‘il bogħod. U jieħu deċiżjonijiet diffiċli għax kif aħna llum, bumper ma’ bumper, m’aħniex tajjeb żgur. U l-anarkija li għandna fil-preżent mhi toffri ebda soluzzjoni għall-futur.

Il-Gvern u l-awtoritajiet konċernati għandhom il-kuraġġ jaraw fit-tul u jieħdu deċiżjonijiet diffiċli imma neċessarji? Aħna, l-elettorat, u l-politiċi li ntellgħu fil-Parlament kapaċi naraw lil hinn mill-elezzjoni ġenerali li jmiss?

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s