M’hemmx Post għal Mamo

Adrian Grima

Dan l-artiklu deher fil-ħarġa tal-gazzetta It-Torċa tal-Ħadd, 20 ta’ Ottubru 2013

3 books Juann Mamo  (1)L-edizzjoni l-ġdida tar-rumanz irreverenti ta’ Juann Mamo, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka, maħruġa għal darb’oħra mill-SKS Publishers, hija r-raba’ edizzjoni tar-rumanz. Għal ħafna snin dan ir-rakkont divertenti u mqareb ta’ Mamo ġie injorat mil-letterati u l-akkademiċi Maltin. Kien tħalla barra, b’għażla, meta ħarġu ż-żewġ volumi tal-Antoloġija ta’ Proża Maltija ta’ Ġużè Aquilina fl-1978 u l-1979, xogħol li kkanonizza lil għadd ta’ prożaturi Maltin. Mamo ppubblika r-rumanz tiegħu f’29 faxxiklu bejn Frar tal-1930 u Ottubru tal-1931.

Minkejja li l-għażla tal-awturi u l-kitbiet fl-antoloġija ta’ Aquilina kienet “aktar kronoloġika milli letterarja” biex l-editur ikun jista’ juri l-iżvilupp tal-proża bil-Malti, u minkejja li kien hemm “kotra ta’ proża dgħajfa,” anki fl-antoloġija tiegħu, Aquilina xorta waħda ma sabx post għal Mamo. Fil-fatt, mat-63 prożatur u prożatriċi li għażel għal din l-antoloġija la sab post għal Mamo u lanqas għall-imgħallem tiegħu Manwel Dimech.

Minn banda, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka tqies għal ħafna żmien bħala xogħol narrattiv letterarjament medjokri, u mill-banda l-oħra bħala rakkont moralment diskutibbli minħabba l-lingwaġġ u l-ideat tiegħu li jeħduha qatta bla ħabel kontra l-“klikka,” is-sezzjoni pprivileġġjata tal-poplu Malti, il-Partit Nazzjonalista, u l-Knisja Kattolika, kontra n-nuqqas ta’ skola u s-superstizzjonijiet, u kontra l-istabbiliment letterarju ta’ żmienu.

Fanatku Nkallat

Minkejja s-suċċess tiegħu fost il-poplu, speċjalment, skont Mamo nnifsu, fost il-professjonisti (“Fanatku Llawrijat,” Il-Ħmara, 27 ta’ Diċembru 1930), nafu li fi żmienu ntlaqa’ wkoll b’taħlita ta’ entużjażmu paternalistiku, diffidenza u oppożizzjoni ħarxa. Fl-istess artiklu Mamo jirrakkonta li nutar il-Belt, li Mamo jiddeskrivih bħala “inkallat fanatku antik Nutar” mingħajr ebda virgola, stqarr li l-kitba tiegħu kien jibża’ minnha għax “kienet tidħol fil-għadam,” aktarx għax fir-rumanz in-nutar kien “sab lilu nnifsu mpinġi u mqaxxar.”

L-awtur jironizza, ħaġa li dejjem jagħmilha b’ħila liema bħalha: “Lin-Nutar ma nogħġbuhx. Fil-kitba tagħna jara n-nar! Irid li nħallu d-dinja kif sibnieha bl-injuranza fuq ir-Raħli b’mod li ġġorru ħaj. In-Nutar irid iż-żmien ta’ dari.” Biex “Juann allura jkun ta’ min jaqrah, ikun famigliari, ma jkunx mażun, u elf intiena ta’ għamil u kliem bħal dan!” irid jgħix fil-passat, irid jappoġġja l-istatus quo, l-isfruttament tan-nies bla skola min-naħa tal-professjonisti.

Mamo jawgura li “ż-żmien għad jeħlisna minn dawn il-fanatiċi, lawrijati, kallu tan-Nazzjon, li llum tfajjel ta’ 12-il sena bi ktieb f’idu jiswa daqshom ilkoll għal elf darba.” Minkejja li jistqarr pubblikament li “s-soċji tan-Nanna Venut kważi kollha professjonisti,” ma jħallihiex ħelwa għal melħa, karatteristika importanti tal-awturi satiriċi u indikazzjoni tal-karattru tagħhom.

Meta Tkun Xewka

Lino Cassar 1 - Ray Attard MaltaToday
Lino Cassar – 1934-2012 (Ritratt: Ray Attard/Mediatoday)

L-idea li Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka huwa rakkont prinċipalment umoristiku popolari aktarx issaħħet bil-pubblikazzjoni tat-tieni edizzjoni tar-rumanz, stampata fuq karta kkulurita fil-Freedom Press tal-Marsa bejn Jannar tal-1971 u Mejju tal-1972, għall-ġurnal satiriku Laburista ta’ Lino Cassar, Ix-Xewka. Fil-kelmtejn ta’ preżentazzjoni mhux iffirmata, imma aktarx tiegħu (meta kellimtu fuq hekk ma kienx ċert, imma deherlu li kien hu li kitibha), bid-data tat-28 ta’ Jannar 1930, l-editur Lino Cassar jgħid li “r-rumanz kien kiseb suċċess immens u l-kotba li kienu illegati minn dawk il-faxxiklu llum huma rari ħafna. Ma kinitx ħaġa faċli għalina li nakkwistaw kopja, l-ewwel nett għax il-ftit li baqa’ ħadd ma jrid jitlaqhom minn idejh u t-tieni nett ħafna minnhom kienu ntbagħtu lill-emigranti.”

Din l-edizzjoni tax-Xewka ħalliet barra mhux biss in-noti ta’ Mamo f’qiegħ il-paġni imma wkoll id-daħliet introduttivi tal-awtur, iżda żgur mhux b’nuqqas ta’ rispett lejn l-awtur li, għalkemm meqjus bħala “bniedem ta’ għalih waħdu u ftit kien iħobb juri ruħu,” kien bniedem kapaċi f’bosta oqsma, “kien wieħed minn tal-ewwel nett li ħadem għall-għaqda tal-ħaddiema,” u nqeda bil-kitba riformatriċi tiegħu biex iħeġġeġ lill-poplu jirranġa d-drawwiet tiegħu.

L-editur jistqarr li “l-ġenju” ta’ Mamo “baqa’ mhuwiex magħruf iżda dawk li kienu jafuh kienu jammirawh ħafna u ħafna għall-ironija umoristika tiegħu, għall-frażijiet u l-idjomi tiegħu, kif ukoll għall-istil mexxej li kien jikteb bih.” Barra minn hekk, jikkwota parti min-nota introduttiva li tħalliet barra mit-tieni edizzjoni li fiha Mamo effettivament ilaqqa’ flimkien l-iskop soċjali u letterarju tar-rumanz tiegħu permezz tal-figura ikonika ta’ Mikiel de Cervantes Saavedra tad-Dun Kixott tal-Manċa, li “niggeż u xikkel lill-kittieba jew lill-istess Kavallieri tal-Vintura xiklija ta’ dak iż-żmien, biex b’hekk, bil-frosta, nittanta, nisforza nagħmel lok għas-sbieħ u t-tajbin.”

Mamo jrid li l-awturi joħorġu mill-bozza li daħħlu lilhom infushom fiha biex jimpenjaw irwieħhom favur riforma fis-soċjetà. Isejħilhom “il-ftit kittieba fanatki, qodma daqs il-brodu u mgħaxxin, li kont tgħoddhom fuq is-swaba’ ta’ id waħda: kittieba tal-labtijiet, tal-kotba tas-Susanni, tal-Għanjiet tal-Kaċċaturi, tal-Peppijiet u Marijiet, u ta’ ċerti nekroloġiji li kienu jitħarbxu fuq ġurnali (?), itellgħu lill-mejjet dritt dritt igawdi minn rajhom!” Huma t-tip ta’ awturi li jiġu “bid-dgħajsa ta’ bil-mod-il-mod,” li jitqanżħu biex jirrakkontaw storja.

Id-Dun Kixott għal Malta

dun-kixottMinkejja li jsemmi għadd kbir ta’ kittieba u kitbiet Maltin u barranin, Mamo jagħti prominenza lil Dun Kixott ta’ Cervantes, xogħol ikkaratterizzat mit-tip ta’ ironija u attenzjoni għal-lingwa letterarja li ssib f’dan ir-rumanz. Avviż dwar Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka li deher f’ħarġa tal-1930 tar-rivista Il-Bidwi aktarx miktub mill-awtur innifsu, jgħid li hu “Rumanz sabiħ u satiriku: jigdem bis-sħiħ iż-żminijiet tagħna. Fih issib il-kliem, ix-xbihat, id-drawwiet l-aktar imqaxxra, u f’kelma waħda l-poplu mpinġi bi ġrajjiet l-aktar komiċi; tad-daħq. Qisuh id-Dun Kixott għal Malta. Ma nkitibx ieħor sabiħ bħalu s’issa bil-Malti” (245). Dan l-avviż jistabbilixxi mhux biss x’inhuma, aktarx skont l-awtur innifsu, il-kwalitajiet ewlenin tar-rumanz  tiegħu, imma anki x’inhuma dawn l-elementi stilistiċi u tematiċi li jqarrbuh lejn Dun Kixott: is-satira li biha jingħata ritratt tal-kontemporanjetà u ssir kritika soċjali qawwija tad-drawwiet ħżiena, u l-komiċità.

Jista’ jkun li l-għażla ta’ Mamo li jiffirma l-kitbiet tiegħu bl-isem “Juann” hija marbuta mal-affinità li kien iħoss ma’ Cervantes, kemm bħala awtur li ried jirriforma s-soċjetà bil-kitba tiegħu, kif ukoll fuq livell uman: skont artikolett aktarx miktub mill-editur, Ġużè Ellul Mercer, li deher f’Il-Kotra ta’ Diċembru 1930, ġurnal li Mamo kien jikteb fih, l-aħħar snin ta’ ħajtu Cervantes “aktarx għaddiehom batut u mdejjaq. Għad li kellu fama ta’ awtur, però l-fama qatt ma ffavorietu” (“Cervantes,” Il-Kotra, 12.12.30). Pawlu Montebello, li qaleb id-Dun Kixott għall-Malti, jikteb dwar “ix-xorti ħażina li qatt ma ħallietu” u waħħlitlu daqqa kiefra wara l-oħra (viii). F’dan l-aspett, l-istorja umana ta’ Mamo mhix differenti.

Fuq livell letterarju, l-aktar aspett interessanti tan-narrattiva ta’ Cervantes għal interpretazzjoni tal-influwenza tiegħu fuq Mamo huwa r-riflessjonijiet kontinwi tiegħu fuq in-narrattiva nfisha, fuq l-att innifsu tar-rakkontar u l-inaffidabbiltà tiegħu, fuq it-tradizzjoni narrattiva popolari ta’ żmienu.

Cervantes jikkritika r-rakkontar stilizzat ta’ żmienu, dak li jirkeb fuq is-suċċess u l-awtorevolezza ta’ ħaddieħor u jeżalta, minflok, il-kitba li kapaċi timxi waħedha, “qawwija u ferrieħa,” il-kitba li kapaċi “tpinġi dak kollu li tkun trid.” F’dan is-sens, bħal f’kull xogħol letterarju ewlieni, il-protagonista sikwit mhux rikonoxxuta tal-kapulavur letterarju hija l-lingwa nfisha, “il-kitba tiegħek,” dik li tidher biss bħala mezz imma hija fil-fatt l-essenza tar-rakkont, tal-avventura, tat-trasgressjoni tal-konvenzjoni li hemm f’kull letteratura tajba.

Rumanz Irrepetibbli

Mamo kien konxju li dan ir-rakkont tiegħu kien xogħol mhux tas-soltu, li kien sogru narrattiv li jisfida kull konvenzjoni tar-rumanz ta’ żmienu. “Naħsbu li b’dawn il-ġrajja taħt l-isem ta’ Rumanz, jekk jistħoqqlu dan l-isem, tgħallimna ħafna xorti. Fihom, fil-ġrajja ntqalu bosta affarijiet li qatt ma ntqalu jew inkitbu qabel.” Hawnhekk Mamo qed jikkummenta kemm dwar il-kontenut mhux tas-soltu, kif ukoll dwar il-forma, l-istil. Il-ġdid isaħħru, u jnebbħu. Fl-1986 Mario Cassar kiteb li Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka huwa “rumanz bla preċedenti u bla suċċessuri.” Huwa rumanz irrepetibbli.

L-Edizzjoni l-Ġdida

Din ir-raba’ edizzjoni tar-rumanz ta’ Mamo hija fidila kemm jista’ jkun lejn il-verżjoni oriġinali li ppubblika Mamo fl-1930-31. Ix-xogħol tiegħi bħala editur kien possibbli bl-għajnuna imprezzabbli tal-Prof. Manwel Mifsud, li kien il-konsulent lingwistiku ewlieni ta’ din l-edizzjoni.

Taw sehem kbir ukoll, speċjalment fil-glossarju estensiv li ħejjejt, Olvin Vella, bl-għarfien tiegħu tal-Malti u tal-iżvilupp tiegħu matul is-snin, u Stefano Farrugia, li ttajpja r-rumanz mill-ġdid minn fuq l-oriġinal ta’ Mamo. Għadd ta’ nies għenuni nifhem u nfisser kelmiet u frażijiet bil-Malti imma anki f’lingwi oħrajn.

Il-ħtieġa ta’ ħafna idejn f’dan ix-xogħol hija xhieda ċara tar-rikkezza tan-narrattiva ta’ Juann Mamo.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s