Fil-Konferenza Juann Mamo li tellajna nhar is-Sibt, 26 ta’ Ottubru, bħala Dipartiment tal-Malti tal-Università bi sħab mal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, għamilt taħdita dwar “L-Estasi tal-Oratorija.” It-taħdita kienet ispirata minn kumment ironiku li jagħmel in-narratur ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka dwar ir-rumanziera ta’ żmien Mamo. Imma l-argument ewlieni ta’ dan l-istudju qasir, li tajt biss ħjiel tiegħu biex ma niħux ħafna ħin, huwa li m’għandniex nikkanonizzaw lil Mamo. Ikun verament kontra l-ispirtu u l-att kreattiv tiegħu. Barra minn hekk, għandi problema fundamentali bl-idea tal-kanonu letterarju kollha kemm hi. L-intervent tiegħi offra provokazzjoni: jekk se nikkanonizzaw lil Mamo, għandna bżonn insibu żewġ mirakli li wettaq u li huma inspjegabbli skont il-liġi naturali. Dawn iż-żewġ mirakli nsibhom… imma l-konklużjoni tagħhom tisfida lill-idea stess tal-kanonizzazzjoni…
L-Estasi tal-Oratorija
Dr Adrian Grima, Dipartiment tal-Malti
Minkejja li Mamo, bħal Cervantes, jikkritika lil awturi oħrajn li kienu qed jużaw lingwa stilizzata, maħluqa apposta, kien konxju wkoll li anki r-rakkont tiegħu huwa ħolqien tiegħu, avolja “b’dak l-ilsien kif jitkellem il-poplu llum.” U timmaġinah jerġa’ jaqra dak li jkun għadu kemm kiteb u jissaħħar bil-lingwa mhux tas-soltu li jkun ħoloq. Huwa minnu li l-ġdid li jikkrea huwa mnebbaħ, konxjament, mit-taħdit ta’ kuljum tal-poplu, imma dan it-taħdit l-awtur jagħġnu mill-ġdid f’nisġa maħsuba u magħquda biex joħloq minnu effetti narrattivi ġodda. Mamo huwa dejjem konxju tal-att letterarju bħala fabbrikazzjoni, u regolarment jgħaddi kummenti fuq il-mod kif qed jikteb. Uħud mill-iktar mumenti ironiċi u divertenti jaslu meta jgħaddi l-kummenti metanarrattivi tiegħu li għandhom il-ħila mqarba li jinstemgħu spontanji u innoċenti. Il-lingwa letterarja tal-luċi-u-tniebri li jattakka Mamo hija artifiċjali, imma tiegħu mhix ħielsa mill-ħafna soda tal-awtur lanqas. Kultant, però, l-awtur jisħon wisq, jinestasi, u minflok jidderieġi n-narrazzjoni bl-għaqal imqareb tiegħu, in-narrazzjoni tiġri bih. Dawn aktarx huma l-iktar mumenti meta jwettaq għalkollox il-wegħda solenni li “l-ħsieb” tiegħu jkun “magħmul biss għall-ġid u x-xalar fil-ħsus ta’ dehen il-qarrejja.”
—