Ici arrivent les mouettes / Hawn Jidħol il-Gawwi

Il-Gawwi fil-Mużew tal-Migrazzjoni

Tnedija ta’ ktieb ta’ poeziji ta’ Adrian Grima tradotti ghall-Franciz

Nhar il-Ġimgħa, 30 ta’ Novembru, fis-6.30pm, il-Mużew tal-Migrazzjoni f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta, ħdejn il-Barrakka ta’ Fuq, il-Fondation de Malte se tniedi l-ktieb ta’ poeżiji bil-Malti ta’ Adrian Grima maqlubin għall-Franċiż minnElizabeth Grech, Ici arrivent les mouette / Hawn Jidħol il-Gawwi. Id-dħul għaliha huwa b’xejn u kulħadd huwa mistieden jattendi. Wara jkun hemm riċeviment.

Il-ktieb fih il-verżjoni oriġinali bil-Malti u t-traduzzjoni għall-Franċiż ta’ 50 poeżija miktubin fuq medda ta’ iktar minn għoxrin sena, minn xogħlijiet li dehru fl-ewwel ġabra ta’ Adrian Grima bl-isem ta’ It-Trumbettier (1999) sa poeżiji li għadhom qatt ma dehru, lanqas bil-Malti. Il-qoxra ddisinjaha l-artist Malti bbażat Glasgow Marco Scerri.

It-traduzzjonijiet saru minn Elizabeth Grech, li studjat l-antropoloġija fl-Università ta’ Malta u Aix-en-Provence, u issa ilha tgħix Franza mill-1999. Bħala parti mix-xogħol tagħha fil-Fondation Rene Seydoux pour le monde méditerranéen f’Pariġi, Elizabeth Grech taħdem, fost l-oħrajn, fuq il-promozzjoni tal-letteratura fil-Mediterran u ħadet sehem f’għadd kbir ta’ konferenzi u inizjattivi ta’ riċerka fir-reġjun. Bħala traduttriċi li tgħallmet is-sengħa waħedha, ilha għadd ta’ snin tittraduċi l-proża u l-poeżija u qalbet għall-Franċiż ix-xogħlijiet letterarji ta’ bosta kittieba kontemporanji Maltin. Il-poeta Franċiż-Marokkin Mohammed El Amraoui, li fl-2009 ħa sehem fil-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta, kien wieħed mill-konsulenti editorjali, flimkien ma’ Philippe Parizot-Clerico, f’dan il-proġett.

It-tnedija se ssir fis-sala l-ġdida tal-Mużew tal-Migrazzjoni f’Dar l-Emigrant, il-Belt. Matul it-tnedija se jintwerew mas-sittin ritratt meħud minn Elizabeth Grech u Philippe Parizot-Clerico, awtur tal-bijografija ta’ Léonard de Vinci (Giovanangeli, 2005) u tad-daħla għal din l-edizzjoni tal-poeżiji ta’ Adrian Grima. Matul il-qari tal-poeżiji, Samwel Grima se jkun qed idoqq temi fuq il-kitarra bass li kultant jakkumpanjaw u kultant jidħlu f’kunflitt mal-kliem.

Adrian Grima (Malta, 1968) huwa l-awtur ta’ bosta kotba tal-poeżija bil-Malti. It-Trumbettier, li ħa t-tieni fil-PremioTivoli Europa Giovani, ħareġ fl-1999 waqt liRakkmu (KKM) ħareġ fl-2006. Fl-2008, ma’ Immanuel Mifsud, ippubblika Riħ min-Nofsinhar (Edizzjoni Skarta) dwar it-tibdil fil-klima, ktieb rebbieħ ta’ Premju Nazzjonali speċjali għall-Aktar Ktieb Kreattiv. Għadd ta’ poeżiji tiegħu nqalbu f’sittax-il lingwa. L-iktar ġabra riċenti ta’ poeżiji għall-kbar, Denb il-Vleġġa / La coda della freccia, ġiet ippubblikat l-Italjaminn Lushir fl-2011 b’daħla ta’ Costanza Ferrini. F’Novembru tal-2012 ħarġu żewġ kotba tiegħu għall-adolexxenti ppubblikati mill-Klabb Kotba Maltin, Din Mhix Logħba (novelli) u Vleġġa Kkargata (poeżiji), bi tpinġijiet ta’ Karen Caruana. Adrian Grima jgħallem il-letteratura Maltija fl-Universita ta’ Malta, u huwa l-koordinatur ta’ Inizjamed.

Fid-daħla tiegħu, Philippe Parizot-Clerico jgħid li l-pubbliku Franċiż ma tantx għandu aċċess, bil-lingwa tiegħu, għal antoloġija ta ‘ poeżiji miktubin bil-Malti, “din il-lingwa Ewropea tant qrib tal-Għarbi.” L-awtur jittama “li permezz ta ‘ din it-traduzzjoni ta’f Elizabeth Grech tal-poeżija ta ‘ Adrian Grima, il-qarrejja Franċiżi jkunu jistgħu jiskopru s-saħħa kreattiva tal-lingwa Maltija.”

Il-Fondation de Malte, li twaqqfet fl-1998 fuq inizjattiva tas-Sinjura Mercedes Busuttil, hija għaqda mhux governattiva bbażata f’Malta, li timpenja ruħha f’inizjattivi marbutin mal-kultura, l-ambjent, l-edukazzjoni, u l-jeddijiet tal-bnedmin. Minbarra li tippubblika rivisti u kotba, il-fondazzjoni torganizza konferenzi, taħditiet u korsijiet.

Hemm aktar tagħrif fuq dan il-ktieb, fuq l-awturi u fuq il-Fondation de Malte fuq Facebook. Il-ktieb diġà jinsab għall-bejgħ fuq www.lulu.com.

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s