Qari fi skejjel primarji

Qari fl-Iskola Primarja ta’ Tas-Sliema | Kulleġġ Santa Klara

Nhar it-Tlieta, 22 ta’ Frar, 2011, kont mistieden l-Iskola Primarja ta’ Tas-Sliema biex niltaqa’ mal-istudenti tal-ħames u s-sitt klassi u naqra xi xogħol minn tiegħi fil-librerija tal-iskola.

Kienet laqgħa sabiħa li fiha kelli ċ-ċans nitkellem mal-istudenti u nara l-interess tagħhom fl-istejjer u l-poeżija. “Lilek min kellmek, sieħbi” u “Pappaparola” (li talbuni nerġa’ naqraha) niżlu tajjeb. Għamilt ukoll “Id-Dinja Tiegħi” u, għall-ewwel darba, il-poeżija “Bali Ta’ Qali,” li wara dan il-qari naħseb li teħtieġ żabra.

Il-kap tal-iskola, is-Sa Valerie Sciberras, dawritni mal-bini u wrietni l-ħafna faċilitajiet li jeżistu għall-edukazzjoni tat-tfal. Tassew skola sabiħa li fiha l-għalliema u l-ħaddiema l-oħrajn qed jagħmlu xogħol professjonali.

Il-popolazzjoni tal-iskola reġgħet bdiet tikber u issa hemm tmintax-il nazzjonalità. Ħamsa mit-tfal li kien hemm fil-grupp li ltqajt miegħu jien kienu mill-Bulgarija, is-Serbja u l-Filippini.

Inħoss li aħna l-kittieba li mmorru naqraw bil-Malti fl-iskejjel irridu naħsbu wkoll għal dawn l-istudenti li ma jkollhomx ħakma tajba tal-Malti. Dak il-ftit li nagħmlu kapaċi jgħinhom biex jinteressaw ruħhom iżjed fil-lingwa Maltija u jgħinhom jintegraw ruħhom fil-komunità.


Qari u kitba fil-Kulleġġ Stella Maris

F’Mejju 2011, l-iskola primarja fil-Kulleġġ Stella Maris tal-Gżira stiednet lil Adrian Grima biex imexxu sessjonijiet ma’ tliet klassijiet tas-sitt sena tal-primarja.

Il-programm ta’ siegħa f’kull klassi kien jinkludi l-qari tal-poeżiji li kitbu l-istudenti nfushom. Imbagħad Adrian Grima qara xi siltiet minn poeżiji tiegħu li se jidhru fil-ktieb ta’ poeżiji għat-tfal li għandu joħroġ fl-2011, fosthom “Min Jaf?” u “Adriana l-Pulizija.”

Fl-aħħar parti tas-sessjoni l-istudenti ngħataw parti minn poeżija biex jiktbu l-aħħar vers tal-poeżija.


 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s