Nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Frar, se jibda kors prattiku intensiv ta’ kitba kreattiva għall-istudenti kollha tal-Università ta’ Malta bejn 12.00 u s-14.00 bħala parti mill-programm tad-Degree Plus li jsir fil-kampus tal-Università. L-istudenti li jridu jirreġistraw għandhom imorru fl-uffiċċju tad-degreeplus jew jiktbu lil degreeplus@um.edu.mt.
F’dan il-kors prattiku dwar il-kitba tan-novella bil-Malti li se jsir għall-ewwel darba fl-Università, se jagħtu s-sehem tagħhom uħud mill-awturi u akkademiċi ewlenin fix-xena letterarja kontemporanja: disa’ sessjonijiet ta’ sagħtejn il-waħda li jittrattaw b’mod konkret aspetti fundamentali fil-kitba ta’ storja.F’kull sessjoni l-istudenti jkollhom ħin biex jaħdmu fuq storja tagħhom li mbagħad jippreżentawha fi tmiem il-kors. Il-programm jinkludi sessjonijiet dwar il-karatteristiċi speċifiċi tan-novella, l-istrateġiji narrattivi, l-iżvilupp tal-karattri, ir-ritmu tal-proża, il-vuċi u t-ton, u s-sehem sikwit determinanti tal-metafora u l-lingwaġġ figurattiv inġenerali fin-narrattiva kontemporanja.
Is-sessjonijiet jitmexxew minn Dr. Norbert Bugeja, Dr. Simone Galea, Dr. Bernard Micallef, is-Sur Immanuel Mifsud, is-Sur Trevor Żahra, u Dr. Adrian Grima, li qed jikkoordina l-kors (bl-għajnuna tas-Sa. Clare Azzopardi).
Se jkun hemm ukoll sessjoni prattika li fiha l-parteċipanti jitħarrġu fil-qari tal-kitba tagħhom fil-pubbliku mal-attriċi u direttriċi teatrali s-Sa. Marcelle Teuma.F’kull sessjoni jingħataw eżempji ta’ kitba mill-aqwa minn letteraturi differenti u jkun hemm ħin għal diskussjoni dwar aspetti partikulari tat-teknika u l-esperjenza tal-kitba.
Il-programm ta’ korsijiet tad-Degree Plus isir bis-sehem tal-Bank of Valletta, li hu s-sieħeb uffiċjali tal-Università ta’ Malta f’dan il-programm.