“Is-Siegħa tal-Klessidra” fil-Kulleġġ Stella Maris

klessidra-1.jpg

Is-Siegħa tal-Klessidra | Reċta f’erba’ xeni għal tfal ta’ 10 snin

Niżżel il-kliem ta’ din ir-reċta, Is-Siegħa tal-Klessidra, minn hawnhekk

Dan ix-xogħol inħadem għall-ewwel darba fil-25 ta’ Frar, 2011, mill-klassi Grade 6 Arnold tal-Kulleġġ ta’ Stella Maris il-Gżira immexxija mis-Sa Pauline Scerri. Fih ħadu sehem mat-30 tifel għax wieħed mill-iskopijiet kien li jkun hemm parti għal kull tifel, iżda fil-verità jista’ jinħadem ukoll b’numru ħafna iżgħar ta’ tfal. Ix-xogħol inkiteb għal din il-klassi ta’ subien iżda jista’ jiġi addattat għal klassi ta’ bniet jew klassi mħallta. Idealment ikunu l-istudenti bniet stess u l-għalliema tagħhom li jiddiskutu l-addattament ta’ dan ix-xogħol għal-karattri bniet.

Fil-produzzjoni tagħha s-Sa Pauline Scerri ipprojettat bosta stampi, fosthom il-klessidra u l-isem tar-reċta (li hu wkoll l-isem tal-logħba) fuq skrin li, għalhekk, f’xi mumenti rrappreżenta l-monitor tal-kompjuter li bih qed jilgħab in-nannu.

L-idea ta’ din ir-reċta ġiet meta s-Sa Scerri kellmitni dwar produzzjoni żgħira li talbuha tagħmel marbuta mat-tema tal-“folklor.” Fil-fatt kienet hi li għamlet ir-riċerka li fuqha hija mibnija r-reċta. Għalkemm din hija l-ġenesi tagħha, jien nixtieq li r-reċta ma tiħux il-forma ta’ rappreżentazzjoni “pittoreska” u għalhekk sterjotipata u superfiċjali ta’ ambjent “Malti” antik u stilizzat. Nippreferi ħafna li tiddomina l-atmosfera ta’ logħba tal-kompjuter, bl-eċitament kollu tagħha, u li tinħass sew il-preżenza tan-nannu u n-neputijiet tiegħu. It-taħbil il-kliem u l-ħaġa moħaġaġa għandhom jitwasslu b’enerġija u spirtu ferrieħi tipiku tad-dinja tal-logħob tat-tfal ta’ kull żmien, u nixtieq li ma jkunx hemm prietki la mixtieqa u wisq anqas meħtieġa li jispiċċaw jikkonfermaw l-impressjoni li l-logħob u t-tradizzjonijiet antiki huma fil-fatt ħwejjeġ tal-passat u għalhekk irrilevanti għas-soċjetà tal-lum.

Għandha tiġi evitata għal kollox kull identifikazzjoni tal-lingwa Maltija mal-folklor. Din mhix reċta dwar il-lingwa Maltija; barra minn hekk, minkejja l-istorja straordinarja tagħha, il-lingwa Maltija hija realtà dinamika tal-preżent.

Fl-ewwel rappreżentazzjoni ta’ Is-Siegħa tal-Klessidra ħadmet ħafna l-interazzjoni bejn l-atturi u l-azzjoni fuq il-palk u t-tfal fl-udjenza, u l-kontribut tal-kor u l-ħabbara nħass sew fil-platea, bit-tfal fl-udjenza jwieġbu l-ħaġa moħġaġa qabel l-atturi u jkomplu mal-kor fit-taħbil il-kliem.

Jien ktibt dan ix-xogħol biex jinħadem u għalhekk ukoll qed inpoġġih fuq is-sit tiegħu biex jintuża minn dawk kollu li jkunu jixtiequ jużawh. Nitlob biss li tinfurmawni jekk tkunu ser ittellgħuh fuq il-palk jew tużawh b’xi mod ieħor, li ssemmu l-awtur (adrian[at]maltaforum.org), u li tirrispettaw kemm tistgħu l-ispirtu ta’ dan ix-xogħol.

Fl-ewwel produzzjoni r-reċta damet madwar kwarta iżda tiflaħ titwal ftit biex l-istadji differenti tal-logħba ma jidhrux bħallikieku ġo xulxin u jinħass sew il-passaġġ minn stadju għal ieħor. Mod kif dan jista’ jsir huwa billi jintużaw biċċiet tal-mużika, bħal dawk li jintużaw f’logħba tal-kompjuter, f’mumenti differenti tar-reċta, ngħidu aħna biex tħabbar il-wassal tal-ħabbara, biex tintroduċi kull waħda mit-tliet provi, u biex tħabbar it-taħbil il-kliem u l-ħaġa moħġaġa.

 


 

 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s