Fiċ-ċerimonja tal-Għoti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kotba ppubblikati fl-2009 li saret fl-20 ta’ Jannar fil-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, Adrian Grima kiseb l-ewwel post flimkien ma’ Terence Portelli, Mario Cassar, Marco Galea u Immanuel Mifsud għall-ktieb akkademiku tagħhom, Il-Qari tal-Letteratura. Bejn Esperjenza u Kritika (Allied Publications).
U fit-taqsima tal-Poeżija bil-Malti, taqsima mirbuħa minn Maurice Mifsud Bonnici bil-ktieb, Weraq Sfajjar fix-Xagħri, it-tieni post intrebaħ minn Id-Demm Nieżel bħax-Xita, editjat minn Adrian Grima u Karl Schembri (Edizzjoni Skarta) u minn Bliet ta’ Norbert Bugeja (Edizzjonijiet Emma Delezio) li għandu daħla kritika twila ta’ Adrian Grima.
Fil-ktieb Id-Demm Nieżel bħax-Xita (Edizzjoni Skarta, 2009) hemm poeżiji u novelli ġodda miktubin minn 15-il kittieb u kittieba li jgħixu f’Malta b’solidarjetà man-nies ta’ Gaża li ġiet ibbumbardjata bla ħniena mill-Iżrael bejn Diċembru tal-2008 u Jannar tal-2009. It-tnedija ta’ Id-Demm Nieżel Bħax-Xita saret il-Ħamis, 5 ta’ Marzu, 2009, fis-7.30pm, fiċ-Ċentru tad-Drama Mikelanġ Borg fi Blata l-Bajda. Minbarra l-kitbiet ta’ Adrian Grima u Karl Schembri, hemm poeżiji u novelli ta’ Antoine Cassar, Sanaa El-Nahhal, Mario Azzopardi, Achille Mizzi, Caldon Mercieca, Walid Nabhan, Immanuel Mifsud, Victor Fenech, Clare Azzopardi, Vince Fabri, Norbert Bugeja, John Portelli, u Maria Grech Ganado. Id-disinn tal-qoxra huwa ta’ Jimmy Grima.
Nhar is-27 ta’ Diċembru, 2008, ftit sigħat wara l-bidu tal-bumbardament mill-armata Iżraeljana, it-tabib Yousef Mousa jibgħat messaġġ iddisprat minn Gaża. “The military operation makes the Palestinian blood fall like rain. As a consequence, the civilian population in the cities of Rafah, Khan-Younis, middle camps, Gaza City, Beit-Hanoun and Beit-Lahiya, and in the refugee camp of Jabalia is suffering from the most horrible onslaught of Israeli military power.” U din kienet għadha l-ewwel ġurnata.
Il-ktieb ġie stampat għand il-Custom Lab, B’Kara. L-ewwel edizzjoni ta’ dan il-ktieb ħarġet bl-għajnuna ta’ RAMATTAN News Agency and Media Services.
Il-kotba ta’ Edizzjoni Skarta jinbiegħu direttament lill-qarrejja u jitqassmu fil-ħwienet minn Sierra Book Distributors.
Numru ta’ kittieba, fosthom Adrian Grima, għażlu li ma jattendux iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb ta’ din is-sena biex jagħmlu ġest pubbliku kontra l-kriminalizzazzjoni tal-awturi u biex juru solidarjetà mal-awtur Alex Vella Gera li jista’ jeħel il-ħabs minħabba storja li kiteb bl-isem ta’ “Li Tkisser Sewwi.”
Min-naħa l-oħra l-awturi esprimew l-appoġġ tagħhom lill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb li jorganizza dan il-konkors nazzjonali b’dedikazzjoni u professjonalità. Alex Vella Gera kien wieħed mir-rebbieħa ta’ din l-edizzjoni tal-Premju għax il-ktieb tan-narrattiva tiegħu Żewġ kiseb it-tieni post fit-taqsima tan-narrattiva.