Meta tajruha minn wiċċ id-dinja
b’sinjal
u sentejn wara
qabdu ’l min għamlilha l-għassa,
min geddes l-isplussiv,
min bagħtilha l-aħħar tislima,
għedna, did-darba mod ieħor,
did-darba, f’dal-pajjiż daqs nemla,
se ntiru ħafif daqs nemusa.
Imbagħad disa’ snin investigazzjonijiet
u partita mistoqsijiet.
Min ordna l-qtil.
Min ħallas għalih.
Min ippjanah.
Min għattieh.
U peress li dan pajjiż daqs nemla,
poplu sħiħ ħa sehem fl-investigazzjonijiet.
Kulħadd jifli l-provi,
jisma’ x-xhieda,
isegwi l-intriċċi,
jinterpreta l-metafori,
ixomm il-ħmieġ.
Disa’ snin mistoqsijiet
mingħajr tweġibiet.
Għandna d-dwiefer,
għandna l-għaraq,
għandna l-marki tas-swaba’
ma’ kullimkien.
Jonqos l-id.
Jew iktar minn id waħda:
Rajna ħafna swaba’ jippuntaw lejn xulxin.
Għalhekk,
wara disa’ snin,
mingħajr ma trid,
tibda tgħid xi ħaġa kbira f’dan il-pajjiż daqs nemla
mhix sewwa.
U l-ġustizzja
mhi se tasal qatt
għax it-triq twila u nifisha qasir;
għax hemm l-idejn jegħlbu l-miżien tagħha.
U ġa qed jikkunslawna bil-ġustizzja divina.
Bħalma kkunslawna wara l-inġustizzji
tal-passat.
U tibda tgħid dik l-id,
jew id oħra,
jew partita idejn
tista’ tferi u toqtol u tidfen
mill-ġdid.
Għax timxi bil-ħeffa ta’ nemla għajjiena
l-ġustizzja.
U dik l-id teħles kollox b’messaġġ.
Kemm
tagħfas
vleġġa.
U jekk,
nirrah jinxifli lsieni,
tisplodi bomba taħt is-seat tal-karozza tagħna,
jew ta’ wliedna,
jew ta’ wlied uliedna,
jew tasal ittra bomba,
jew jisparaw fuq il-bieb tad-dar,
jew tal-każin,
u ninzertaw aħna,
jew inkunu għaddejjin għall-affari tagħna
minn triq imwarrba,
u jinxtamm in-nar,
u mbagħad il-foga tal-ħmieġ,
kollox jibqa’ għaddej,
qisu ma ġara xejn.
Kulħadd jibqa’ b’li jkun ħa.
Għalhekk,
f’dal-pajjiż ċkejken,
wisq nibża’ li hemm xi ħaġa kbira
li mhix sewwa.
U se nwikkuha
lil uliedna,
lil ulied uliedna.
5.9.26