Għax Jaqbadni l-Bard

ENGLISH version below

Għeżież studenti, kollegi u ħbieb tal-Malti,

Illejla qed niċċelebraw il-kisba ta’ għaxar studenti li ftit snin ilu bdew jistudjaw il-Malti bħala lsien barrani u llum iqisuh bħala lsien ta’ ġewwa. Għaxra min-nies li jemmnu fil-ħila tal-lingwa, ta’ kull lingwa, li tfehemna d-dinja mlewna u kumplessa li ngħixu fiha; lingwa li tgħinna nifhmu aħjar lil xulxin, bl-istejjer u l-esperjenzi komuni u differenti tagħna; lingwa li kapaċi tikxfilna l-isfumaturi tal-ħsibijiet u d-diskors tagħna. Qed niċċelebraw l-imħabba tagħkom għall-kelma, ir-rispett tagħkom lejn il-kelma, l-avventura tagħkom bil-kelma.

Fi żmien meta l-lingwa kisbet prominenza ġdida minħabba d-dulluvju ta’ kliem nieżel kontinwament fuqna minn kullimkien, u speċjalment minn dak l-iscreen iż-żgħir li ċekken id-dinja tagħna; fi żmien meta l-kliem sar l-oġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni insidjuża permezz ta’ prodotti tal-Intellġenza Artifiċjali li jbigħulna d-diskors wara li jkunu serquh minn ġo ħalqna, il-fidi tagħkom fil-kelma preċiża u fl-istess ħin spontanja saret att ta’ fidi fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, ta’ bejn individwi, fehmiet, u burdati differenti; att ta’ fidi fil-kelma li tlaqqagħna flimkien u tfehemna kulturi u ġnus ta’ kull xeħta u lewn.

Intom għamiltu att ta’ fidi fl-umanità tagħna, f’dik l-individwalità kollettiva li ebda magna ma tista’ tipprevediha jew tirreplikaha. Għamiltu att ta’ fidi fil-ħolqien, għax aħna l-bnedmin parti ċkejkna minn ħolqien ferm ikbar minna, u l-kelma li tgħallimtu wrietkom kif tifhmu u tfissru r-relazzjoni tagħna mal-ħolqien bil-Malti.

Għamiltu att ta’ fidi fil-kelma mhux awtomatizzata, kelma spontanja li tfisser sitwazzjoni, burdata, mument. Il-kelma li toħroġ mill-fixla li taħkmek meta tkun qed tfittixha u ma ssibhiex, meta tkun trid tgħid ħaġa u minflok tgħid ħaġa oħra, imma li bil-mod twasslek għall-kelma li ridt.

Meta niftakar li ġabna hawnhekk flimkien il-Malti, jaqbadni l-bard. Skont id-dizzjunarju ż-żgħir li għandi fuq l-iskrivanija tiegħi, maġenb il-kaxxa tas-Ceylon Tea u l-English Breakfast, “bard” huwa “kesħa fl-ajru; temperatura baxxa; birda; frisk.” Imma l-bard li qed nitkellem fuqu huwa sensazzjoni, emozzjoni, dik id-dehxa ta’ kompliċità u ferħ li tħoss meta taqsam esperjenza ma’ ħaddieħor, fil-qrib u fil-bogħod, b’kisra fil-vuċi u aċċenti differenti. Il-Malti ġabna hawnhekk flimkien biex niċċelebraw il-bravura u l-umanità tagħkom, u fl-istess ħin il-maġija ta’ lingwa li għandha elf sena u fuqhom, kollha miġburin hawnhekk, f’din il-laqgħa ta’ bejnietna, f’dan il-ktieb isfar b’disinn ta’ kiesaħ. Jaqbadni l-bard.

Wasalna hawnhekk flimkien illum, intom biċ-ċertifikat tagħkom u aħna bħala Dipartiment bil-korsijiet tal-Malti bħala Lsien Barrani, għax iktar minn għoxrin sena ilu, id-Dipartiment immexxi mill-Prof. Manwel Mifsud introduċa l-ewwel kors għal dawk li riedu jitgħallmu l-Malti bħala l-lingwa mhux nattiva tagħhom. Fl-1997, hu u l-Prof. Albert Borg ħarġu l-ktieb Fuq l-Għatba tal-Malti. Deskrizzjoni komunikattiva tal-Ilsien Malti fuq il-mudell tat-“Threshold Level 1990,” xogħol ippubblikat mill-Kunsill tal-Ewropa li nebbaħna meta bdejna naħdmu fuq il-vokabolarju essenzjali tal-Malti għas-sensiela Kliemna. Dak li qalu sħabna fid-daħla ta’ Fuq l-Għatba tletin sena ilu jikseb rilevanza ġdida meta naqrawh illum: “L-interess tal-barranin fil-Malti għandu storja li tmur lura għal bosta snin: interess fil-Malti bħala oġġett ta’ studju fih innifsu kif ukoll interess prattiku biex jintuża għall-komunikazzjoni mal-Maltin. Fi żmienna qed naraw numru deijem jikber ta’ barranin li huma wkoll iridu jużaw il-Malti bħala għodda ta’ komunikazzjoni” (1). Għalhekk, wara l-Prof. Mifsud ħadmu ħafna l-Professuri Bernard Micallef u Michael Spagnol biex permezz ta’ għadd ta’ letturi jiżviluppaw il-korsijiet li qed niċċelebraw flimkien illum.

Matul dawn l-aħħar snin, il-korsijiet tagħna ħadu spinta kbira bil-ħila tas-Sur Ayrton Didier Brincat għax mhux biss kisbu suċċess kbir imma issa waslu sal-livell avvanzat. Sadattant, bil-ħila tas-Sur Dwayne Ellul, żviluppajna wkoll korsijiet tal-Malti mitħaddet, u ma’ Verbivore bnejna korsijiet ta’ studju indipendenti tal-Malti fil-livell A1 u A2, u bdejna x-xogħol fuq iż-żewġ livelli li jmiss.

Bħala d-dipartiment li jistudja u jgħallem l-ilsien nazzjonali fl-università pubblika tagħna, nemmnu bis-sħiħ fid-dmir tagħna lejn dawk l-elf sena ta’ storja, lejn l-antenati tagħna, lejn l-istudenti minn rokna tad-dinja  li ngħallmu, u lejn il-ġenerazzjonijiet tal-futur. Dan id-dmir se nkomplu nagħmluh b’determinazzjoni u b’sens kbir ta’ responsabbiltà u avventura. Mhux biss għax dmirna imma għax jispirawna l-kollegi tagħna li qed jibnu u jgħallmu dawn il-korsijiet; u għax jaqbadna l-bard nisimgħu lilkom il-kelliema l-ġodda tal-Malti li qed niċċelebraw is-suċċess tagħkom illum.

Adrian Grima

It-18 ta’ Novembru 2026


Because I Get Chills

Dear students, colleagues, and friends of Maltese,

Tonight we are celebrating the achievement of ten students who, a few years ago, began studying Maltese as a foreign tongue and today embrace it as a tongue of their own. Ten people who believe in the power of language, of every language, to help us make sense of the colourful and complex world we inhabit; a language that helps us better understand one another, with our shared and distinct stories and experiences; a language capable of unveiling the nuances of our thoughts and our speech. We are celebrating your love for the word, your respect for the word, your adventure with the word.

At a time when language has gained a new prominence because of the deluge of words raining down on us relentlessly from everywhere, and especially from that small screen that has shrunk our world; at a time when words have become the object of insidious commercialization through Artificial Intelligence products that sell speech back to us after having stolen it right out of our mouths, your faith in the word, at once precise and spontaneous, has become an act of faith in the relationships between us, between different individuals, viewpoints, and moods; an act of faith in the word that brings us together and helps us understand cultures and peoples of every stripe and hue.

You have made an act of faith in our humanity, in that collective individuality that no machine can predict or replicate. You have made an act of faith in creation, for we human beings are a tiny part of a creation far greater than ourselves, and the word you have learned has shown you how to understand and articulate our relationship with creation in Maltese.

You have made an act of faith in the unautomated word, a spontaneous word that captures a situation, a mood, a moment. The word that emerges from the fluster that seizes you when you are searching for it and cannot find it, when you want to say one thing and instead say another to fill the void of that hesitation, yet slowly it leads you to the very word you wanted.

When I remember that it was Maltese that brought us together here, “jaqbadni l-bard,” I get chills. According to the small Maltese dictionary I keep on my desk, right beside the boxes of Ceylon Tea and English Breakfast, “bard” is “coldness in the air; a low temperature; chilliness; coolness.” Yet the chill I am speaking of is a sensation, an emotion, that thrill of unspoken kinship and joy you feel when sharing an experience with someone else, near and far, with a catch (“kisra fil-vuċi”) in the voice and diverse accents. Maltese has brought us together here to celebrate your courage and your humanity, and at the same time the magic of a language over a thousand years old, all gathered here, in this encounter among us, in this yellow book with a cool design (“disinn ta’ kiesaħ”). I get chills.

We have arrived here together today, you with your certificates and we as a Department with the courses in Maltese as a Foreign Language, because more than twenty years ago, the Department led by Prof. Manwel Mifsud introduced the first course for those who wanted to learn Maltese as a non-native language. In 1997, he and Prof. Albert Borg published the book Fuq l-Għatba tal-Malti. Deskrizzjoni komunikattiva tal-Ilsien Malti (On the Threshold of Maltese: A Communicative Description of the Maltese Language), modelled on the “Threshold Level 1990,” a work published by the Council of Europe that inspired us when we began working on the essential Maltese vocabulary for the Kliemna series. What our colleagues wrote in the introduction to Fuq l-Għatba thirty years ago takes on new relevance when we read it today: “The interest of foreigners in Maltese has a history stretching back many years: an interest in Maltese as an object of study in itself, as well as a practical interest in using it to communicate with the Maltese. In our time, we are seeing an ever-growing number of foreigners who also wish to use Maltese as a tool for communication” (1). Thus, following Prof. Mifsud, Professors Bernard Micallef and Michael Spagnol worked tirelessly, alongside a number of lecturers, to develop the courses we are celebrating together today.

Over these past few years, our courses have gained momentum through the skill of Mr Ayrton Didier Brincat, not only achieving great success but now reaching an advanced level. Meanwhile, thanks to Mr. Dwayne Ellul and others, we have also developed courses in spoken Maltese, and together with Verbivore we have built self-study courses in Maltese at levels A1 and A2, and begun work on the next two levels.

As the department that studies and teaches the national language at our public university, we believe wholeheartedly in our duty toward those thousand years of history, toward our ancestors, toward the students from every corner of the world whom we teach, and toward future generations. We will continue to fulfill this duty with determination and a profound sense of responsibility and adventure, not merely because it is our duty, but because we are inspired by our colleagues who are designing and teaching these courses, and because we get chills listening to you, the new speakers of Maltese whose success we celebrate today.

Adrian Grima

18 November 2026

Leave a Reply