Diskors ta’ Adrian Grima f’isem id-Dipartiment tal-Malti waqt it-tnedija ta’ L-ewwel Passi tad-Dizzjunarju Nazzjonali tal-Malti, il-Ġimgħa 19 ta’ Ġunju 2026 | Aula Magna, L-Università ta’ Malta, il-Belt Valletta
ILLUM, quddiem ir-Rettur, ir-Rettur Elett, il-Proretturi, quddiem sala nies, se nwettaq att ta’ nepotiżmu. Se nkellem lin-neputijiet tiegħi, iż-żgħar u ż-żgħar nett, għax dak li qed nagħmlu hawnhekk huwa qabelxejn għalihom: għal Nina u Nicky, il-filjozz; għal Rhea, li tħobb il-metafori, u għal Lee; għat-tewmin Ben u Zach, li issa qabad jimxi mbe bħal Dizzjunarju.mt; u għal Julian u Lucas, li fid-dar tagħhom f’Melbourne jisimgħu l-Malti u barra jisimgħu mrewħa sħiħa ta’ lingwi.

Dizzjunarju huwa apparat tal-ispjegazzjonijiet, imma meta tagħmel xi ħaġa għal ħaddieħor, għal ta’ warajk, tħoss libertà li diffiċli tispjegaha. Dan id-dizzjunarju għalikom, neputijiet, mingħand iz-ziju Adrian, mingħand sala sħiħa zijiet. Għax intom ulied ilsien li għandu elf sena ta’ storja, qadim daqs il-ballut tal-Wardija. Trid tkun għaref daqs balluta biex timmaġina lsien li għandu għaxar sekli sħaħ. Nibet iktar minn 900 sena qabel it-televiżjoni, ftit inqas minn elf sena qabel dak l-iscreen żgħir li ċekken id-dinja tagħna, imma li fuqu se ssibu d-dinja tal-ilsien Malti.
“Qadim” il-Malti, għax “qadim” tfisser “ġie qabel fiż-żmien,” “għadda ż-żmien minn fuqu,” “jgħodd ħafna snin.” Imma dejjem “ġdid.” Għalhekk tisma’ ’l min igerger li l-ħin kollu jinbidel. Għax ma jiqafx, m’għandux kwiet. Qisu n-neputijiet. Dejjem jiskopri d-dinja ta’ madwaru.
Il-lingwi għandhom relazzjoni kumplessa maż-żmien. Ma jixjiħux. Ma jiqdimux. Sempliċiment jittrasformaw ruħhom. Il-ħin kollu. M’għandhomx bżonn kors ta’ aġġornament. Ma jagħmlux service regolari. Ma jagħmlux rebore – għadhom jgħidu “rebore”? Il-magna tal-lingwi mhix ġisem li jixjieħ imma ideal li jġġedded; tifsira li tinbidel jew titwessa’; musmar qadim li jaqilgħu l-musmar il-ġdid u t-tnejn jispiċċaw f’Dizzjunarju.mt.
L-ilsien li nitkellmu huwa bħall-baħar ta’ Dun Karm li qatt ma jiqdiem. La tikbru ftit ieħor, naqralkom “Żagħżugħ ta’ Dejjem”, u taraw xi ġmiel, kliem Dun Karm tal-1933 u issa tagħkom fis-seklu wieħed u għoxrin. Għax
fuq wiċċek biss, ja baħar,
żagħżugħ ta’ dejjem, jgħaddu s-snin bil-mija,
bl-eluf u bl-għaxart elef,
u qatt ma jonqxu l-għelma tax-xjuħija
Imbagħad naqraw “Delimara” ta’ Daniel Massa, għax
hawn kont diġà
– qabel ġarrabt il-fsieqi ta’ ġensi
– qabel għalaqt it-twieqi ta’ wensi
– qabel ombrajt l-għekiesi ta’ niesi
qalb id-dell tal-kannizzati kont diġà
U fuq dak l-iscreen iż-żgħir intellgħu “Leħnek” minn Bejn Baħar u Baħar ta’ Elizabeth Grech, għax “fik, binti”
Hemm il-ħsejjes, il-kliem,
il-ħmura ħajja,
id-demm il-laħam il-qalb
ta’ żewġ artijiet
imdendlin
bejn baħar u baħar
Matul dawk l-għaxar sekli, neputijiet, il-Malti addatta ruħu għaċ-ċirkustanzi l-ġodda, għall-ġnus u l-ilsna barranin li baqa’ jiltaqa’ magħhom kuljum; għall-fehmiet u t-teknoloġiji li baqgħu dejjem deħlin; għall-invenzjonjiet tal-ħolqien. Il-Malti qatt ma baqa’ kif kien. Għalhekk dizzjunarju tal-kliem u l-espressjonijiet huwa dejjem ritratt meħud mill-filmat ma jieqaf qatt tal-ilsien.
Kemm jitwieldu neputijiet sbieħ bħalkom f’elf sena? Kemm jitwieled Malti ġdid? Dan rigal li sibtuh jistenniekom qabel ma bkejtu l-ewwel bikja. Smajtuh saħansitra minn ġol-ġuf.
Manwel Mifsud, wild Mikiel Anton Vassalli u Ġużè Aquilina, jgħid li fl-ilsien Malti “hemm ir-ruħ u l-kontinwità ta’ ġensna.” Il-Malti li writtu “Huwa bħal nixxiegħa li ġejja mill-bogħod, nisilha moħbi fil-ħdan mudlam tal-art, [nixxiegħa] li qasmet għelieqi u widien sa ma waslet għandna bħala xmara wiesgħa, tfur u tgelgel għammiela għal għajn ix-xemx. Dan kollu I-poplu Malti kien jafu – imma bis-sabar kollu kien isorru u jgħożżu fis-skiet ta’ qalbu, u jgħaddih lil uliedu u lil ulied uliedu”.
Il-Malti huwa l-unika lingwa li twieldet hawn, li trabbiet hawn, li kibret hawn. L-unika lingwa maħsuba u magħmula biex tfisser il-kuluri tagħna, il-longa tagħna, is-sensazzjonijiet u r-relazzjonijiet; l-unika lingwa magħġuna mill-esperjenzi l-qodma u ġodda tagħna, mix-xjenza, mill-ħamrija, mill-baħar, mill-ajru, mir-riħ isfel u r-riħ fuq tas-sentimenti tagħna.
Ix-xogħol fuq Dizzjunarju.mt, li beda jiddokumenta dan kollu, beda sentejn ilu, eżatt bħal daż-żmien. Bil-kliem. Bil-qbil u n-nuqqas ta’ qbil. Bir-raġuni u bis-sentiment. Għax aħna m’aħniex intelliġenzi artifiċjali bla ruħ u bla storja. Aħna individwi bil-ġrajjiet, bit-temperament u bil-gosti tagħna li maż-żmien jinbidlu. Bħat-tlissin u t-tifsir tal-kliem.
F’ċertu sens id-Dipartiment tal-Malti qisu dizzjunarju: jitkellem b’vuċi waħda imma fih ħafna vuċijiet, ħafna tifsiriet, ħafna konnotazzjonijiet, verbi bi sfumaturi u konjugazzjonijiet differenti. Aħna dizzjunarju li jrid jimxi maż-żmien. Għalhekk il-ħin kollu jinbidel id-Dipartiment, jaġġorna ruħu, imma dejjem b’rispett kbir lejn il-kelma. Għax il-kelma jagħmilha l-ambjent li tinbet fih u l-kelma jagħmluha l-bnedmin, mingħajr privileġġi u distinzjonijiet; b’entużjażmu kbir biex fuq ix-xogħol tal-imgħallmin ta’ qabilna nibnu dizzjunarju ġdid.
Bdejt bin-neputijiet u nixtieq nispiċċa biz-zijiet u l-parrinijiet. Għandu ħafna parrinijiet dan id-dizzjunarju, imma nixtieq nirringrazzja lil tlieta minnhom b’mod partikulari. Qabelxejn lir-Rettur, il-Prof. Alfred Vella, għax mill-ewwel darba li semmejnielu dan il-proġett għajnejh bdew jixegħlu, bħal tal-ġenituri quddiem l-ulied. Nirringrazzja lid-Dekan tal-Fakultà tal-Arti, il-Prof. Dominic Fenech, li bħala storiku jifhem ftit iktar minn ħafna minna l-importanza tal-istorja biex inħarsu ’l quddiem; u nirringrazzja lill-Prof. Simon Fabri, il-Prorettur inkarigat mir-Riċerka u t-Trasferiment tal-Għarfien, li minnu bdejna l-kuntatti mar-Rettorat. Sibna quddiemna bniedem intelliġenti u fabbli li kapaċi jisma’, iqis, jissuġġerixxi. Iktar jisma’ milli jitkellem – don rari – u meta jitkellem iġiegħlek tisma’. Imxejna ħafna fuq il-pariri tiegħu.
Grazzi lil sħabi tad-Dipartiment tal-Malti, dawk kollha li jaħdmu magħna, u lill-familji tagħna li jgħinuna u jissaportuna u fuq kollox iħobbuna.
Grazzi wkoll lis-Sinjuri Wilfred Kennely, Christian Bonnici, Joe Bugeja, Claudette Buttigieg, Mark Debono, Jacqueline Fenech, Simon Sammut, Luigi Pellegrini, u Lawrence Gellel. Ħallejt barra ħafna kollegi f’diversi dipartimenti u uffiċċji tal-Università ta’ Malta li kull meta nħabbtu l-bieb jiftħulna, kull meta nistaqsu jweġbuna.
Fl-aħħar nett, grazzi lilkom, neputijiet. Meta tikbru ftit u jaqa’ mis-sema f’idejkom l-ewwel screen żgħir b’moħħ kbir, ftakru f’din is-sala nies u ftakru f’dal-kliem. U fuq Dizzjunarju.mt taraw kemm hu veru li dan l-ilsien qadim dejjem ġdid.