L-ewwel paragrafi mid-daħla kritika ta’ Adrian Grima għall-ġabra ta’ kitbiet Fl-Akbar Qilla. Il-Poeżiji ta’ Ġużè Orlando (SKS, 2026)
Il-poeżiji u t-taqbiliet ta’ Ġużè Orlando jirrakkontaw ġrajjiet u realtajiet tal-ħajja soċjali u politika f’Malta fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin li qajla ġew irrakkontati fil-poeżija kanonika. Waqt li l-lirika tiegħu dwar temi kbar tinqeda bil-lingwaġġ Romantiku tal-awturi ta’ żmienu, il-fenomeni aktar immedjati jirrakkontahom bil-kliem u l-frażijiet mhux stilizzati ta’ kuljum, li b’hekk jagħtu bixra aktar attwali u konfrontattiva lill-vuċi tiegħu. Permezz ta’ dan il-istil, Orlando jikkritika bla ħniena l-inġustizzji mal-poplu ż-żgħir, filwaqt li fl-istess ħin iwassal is-sentimenti patrijottiċi qawwija ta’ poplu kkolonizzat u mċaħħad mid-dritt li jmexxi lilu nnifsu, tant li f’‘Il-Bandiera Maltija’ jistqarr li kull attakk kontra d-dinjità tal-poplu jqanqal fih u fil-Maltin “l-akbar qilla”.
Id-Dinja tal-Ġurnali
Ħafna minn dawn il-poeżiji u t-taqbiliet nkitbu għall-ġurnali li fihom l-awtur kien jippubblika b’mod regolari artikli ta’ opinjoni u ta’ analiżi, fejn jittratta dawk it-temi li tipikament nassoċjaw ma’ Orlando bħala politiku, kummentatur soċjali, u awtur letterarju. Id-differenza ewlenija bejn il-proża u l-poeżija tiegħu tinsab fil-format, peress li fil-versi kellu jżomm mal-qafas u r-ritmu impost fuqu mit-tul tal-linji. F’dan il-kuntest, ir-rima saret għodda importanti ħafna biex jittrażmetti l-immedjatezza u t-ton ironiku tal-kummenti tiegħu u biex, fejn iħoss il-bżonn, ikun jista’ jferi b’mod satiriċi.
Fit-taqbiliet dwar temi attwali nsibu bosta elementi mill-proża, bħall-użu tad-djalogu u l-espressjonijiet mit-taħdit ta’ kuljum. Madankollu, l-iskemi tar-rima li jadotta—li kultant huma kumplessi, speċjalment fit-taqbiliet ironiċi—iġegħluh ifittex vokabularju li qajla kien jirrikorri għalih fil-poeżija lirika minħabba d-dinjità stilizzata imposta mir-Romantiċiżmu. Fil-fatt, hemm mumenti f’dawn it-taqbiliet mexxejja u spiritużi li huma saħansitra iktar karatteristiċi tat-taħdit ta’ kuljum minn ċerti djalogi li nsibu fil-proża letterarja tiegħu.
Minħabba r-rwol tiegħu bħala osservatur, kummentatur u politiku li kontinwament isegwi l-ġrajjiet kontemporanji f’Malta, l-awtur imiss għadd kbir ta’ temi, fejn spiss jidħol f’dibattiti u f’battibekki ma’ kummentaturi oħrajn fil-gazzetti tal-ewwel deċennji tas-seklu għoxrin. Meta beda jikteb, dawn il-versi tiegħu kienu jiffunzjonaw bħala verżjoni stampata u aktar regolata tas-siti soċjali tas-seklu ta’ wara. Fil-ġurnali tal-epoka, awturi bħal Orlando, Ġużè Ellul Mercer, Juann Mamo, Carlo Satariano, Gino Muscat Azzopardi, u Guliermu Arena ħolqu spazju vibranti ta’ kitba u kultura ta’ kritika—u kultant ta’ divertiment u żuffjett—fejn sabu mod kif jiltaqgħu, jiddiskutu, u jiddjalogaw mal-avversarji politiċi tagħhom.
Fl-aħħar nett, Orlando kultant kien jinqeda bil-versi fil-gazzetti biex jindirizza b’mod leġġer u aktarx simpatiku lil xi ħadd minn sħabu, bħall-mument meta ddedika żewġ kitbiet speċifiċi lil Gino Muscat Azzopardi, fosthom il-kompożizzjoni ‘Tħassib’ fuq il-Labour Opinion. s-sunett ‘Tqabbil’ tal-1922 lil Giomu C. Sant, wieħed mill-ħafna psewdonimi ta’ Muscat Azzopardi, fuq il-ġurnal Il-Ħmar: versi bħal dawn juru li l-ġurnali kienu wkoll spazju familjari li fih kienu jiltaqgħu nies, ħbieb u għedewwa, li kienu jafu sew lil xulxin u kienu jinqdew bihom bħala estensjoni tal-ispazju uman u diskursiv ta’ bejniethom. Dan jinħass sew fil-mod kif il-versi, marbutin sew ma’ kuntesti soċjali, politiċi u kulturali partikulari, jirreferu għal ċirkostanzi, għajdut u frażijiet li kienu magħrufa min-nies li kienu jsegwu l-ġrajjiet fil-gazzetti u fl-ispazji pubbliċi ta’ żmienu.
