Malti Komunikattiv għar-Riċerka

Numru ta’ dottorandi u kollegi minn fakultajiet differenti ħadu sehem f’żewġ sessjonijiet prattiċi f’Mejju 2026 dwar il-kitba u d-diskors bil-Malti fid-dottorat u proġetti oħrajn ta’ riċerka. Dawn il-workshops tmexxew minn Adrian Grima u Michael Spagnol mid-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-programm ta’ taħriġ li toffri l-Iskola tad-Dottorat tal-Università ta’ Malta. 

L-ewwel darba li sar DOC6065 Malti Komunikattiv għar-Riċerka, kien hemm sessjoni waħda ta’ tliet sigħat imma mill-ewwel deher li kien hemm bżonn imqar sessjoni oħra, għax ir-riċerkaturi qajla jkollhom l-opportunità jaħsbu fuq kif jistgħu jitkellmu fuq l-istudju tagħhom bil-Malti ma’ kollegi fil-qasam tagħhom jew ma’ nies li mal-pubbliku. 

Il-parteċipanti ddiskutew fehmiet komuni dwar tipi differenti ta’ Malti; dwar l-elementi lingwistiċi li sawru u qed ikomplu jsawru l-lingwa fi proċess kontinwu ta’ addattament u tiġdid; dwar in-natura; il-potenzjal u l-limiti tal-ilsien Malti fejn jidħol il-lingwaġġ akkademiku u kif tista’ twasslu għand udjenzi differenti; ir-riżorsi lingwistiċi stampati u diġitali li jeżistu għal dawk l-istudjużi li jkunu jridu jiktbu jew jitkellmu bil-Malti; id-distinzjonijiet ewlenin bejn il-Malti miktub u mitħaddet; u l-għażliet li jistgħu jsiru fil-livell tal-kelma, tal-frażi, u tas-sentenza. 

Bħala parti mill-proċess, il-parteċipanti kitbu paragrafu ta’ mitt kelma dwar il-proġett ta’ riċerka tagħhom u tkellmu fuqu fil-grupp. F’dan il-kuntest, saru diskussjonjiet dwar il-prinċipju tal-ekonomija fl-użu tal-kliem, il-pleonażmu, it-tawtoloġija, il-parafrażi, u s-sinonimi. Il-parteċipanti stħarrġu wkoll in-natura flessibbli tal-ordni tal-kliem fis-sentenzi bil-Malti u l-potenzjal li toffri biex jinħolqu effetti li jinkludu sfumaturi fit-tifsir u ritmi differenti. 

Ġiet ippreżentata l-pożizzjoni tal-Università fuq il-lingwa Maltija miġbura fid-dokument dwar il-politika lingwistika; is-suġġeriment li s-sinteżi tat-teżi jkollha verżjoni bil-Malti; u l-ismijiet bil-Malti tal-entitajiet kollha li saret b’konsultazzjoni wiesgħa. Saret ukoll riflessjoni fuq kif il-lingwaġġ bil-Malti jista’ jkun inqas parzjali u iktar inklussiv.

Dan il-workshop prattiku maqsum fuq żewġ sessjonijiet ta’ tliet sigħat il-waħda li jsiru wiċċ imb wiċċ huwa maħsub għal riċerkaturi minn kull qasam u din id-darba kien hemm ħadu sehem nies mill-mediċina, ix-xjenzi tas-saħħa, l-istudji Maltin, it-teoloġija, l-inġinerija, il-metallurġija, u l-kultura orali. 

Bi sħab mal-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani, id-Dipartiment tal-Malti joffri kors ta’ tisħiħ fl-użu tal-lingwa Maltija maħsub għall-impjegati kollha tal-Università fil-qasam amministrattiv u akkademiku biex isaħħu l-livell tal-Malti tagħhom u jkunu jistgħu japplikawh b’mod professjonali fil-kuntest tax-xogħol tagħhom.

Ara wkoll “Il-Malti fid-Dottorat” (Diċmebru 2024)

Mejju 2026


Leave a comment