Dalgħodu, dottorandi minn istituti u fakultajiet differenti tal-Università ta’ Malta ħadu sehem fil-workshop li għamilna Michael Spagnol u jien dwar l-użu tal-Malti fir-riċerka fid-dottorat.
Iddiskutejna kif tuża l-Malti biex titkellem fuq ir-riċerka ma’ udjenza akkademika u ma’ udjenza mhux akkademika. Għax waqt li ħafna mir-riċerka tinkiteb bl-Ingliż, trid titkellem fuqha bil-Malti kemm biex tikkomunika mal-informanti kif ukoll biex tispjegaha lill-pubbliku.
Barra minn hekk, il-politika lingwistika tal-Università tħeġġeġ lid-dottorandi biex jiktbu deskrizzjoni dettaljata tar-riċerka tagħhom bil-Malti biex tkun disponibbli għal kulħadd.
Għalhekk tkellimna fuq il-Malti miktub u mitkellem fil-qasam tar-riċerka. Tkellimna fuq kif tfisser dak li trid tgħid bl-iktar mod effettiv imma anki fuq strateġiji tal-parafrażi, bħall-użu ta’ sinonimi, ta’ partijiet tad-diskors, u l-binja tas-sentenza.
Tkellimna fuq il-flessibbiltà tas-sintassi Maltija, il-mod kif tista’ dddawwar il-kliem biex toħloq tifsiriet u sentimenti differenti.
Tkellimna fuq l-avventura (eċitanti u mwiegħra) tat-traduzzjoni li l-ħin kollu nirrikorru għaliha fix-xogħol akkademiku tagħna, fuq l-iskoperti li nagħmlu aħna u nittraduċu u t-tradimenti li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom. Rajna min huma l-ħbieb veri u l-ħbieb foloz, dak li jgħalluna, bħal “falla” u “fail”.
Tkellimna fuq il-vuċi attiva u passiva, u fuq is-saħħa tal-verbi u l-limiti tan-nomi. Tkellimna fuq il-qbil bejn is-suġġett u l-verb, u kif kultant l-oġġett jidħol fin-nofs u jfixkel kollox.
Rajna wħud mir-riżorsi stampati u r-riżorsi online għal min irid jikteb xogħol akkademiku bil-Malti, fosthom malti.mt, IATE, Il-Miklem, verb.mt, ChatGPT, Gemini, u Għidha bil-Malti.
Xtaqna nitkellmu fuq il-prinċipji ewlenin tar-Retorika, imma tliet sigħat taru u l-ħin jittradik.
Il-komunikazzjoni bil-Malti dwar ir-riċerka tgħinna mhux biss biex nilħqu udjenza ferm ikbar iżda biex insawru l-ideat u nispjegaw is-sejbiet li nagħmlu bil-lingwa tagħna. Fl-istess ħin nagħrfu iktar kif nistgħu nużaw il-Malti bl-iktar mod sabiħ u effettiv.
Diffiċli biex ir-riċerka tagħna tilħaq lill-poplu jekk ma nkunux kapaċi nitkellmu fuqha wkoll b’mod preċiż u fl-istess ħin attraenti.
Ħajr lill-Prof. Nicholas Vella u l-Iskola tad-Dottorat tal-istedina biex nibdew nagħmlu dan il-workshop b’mod regolari. L-entużjażmu tal-istudenti li ħadu sehem ikompli jkabbar l-entużjażmu tagħna.
Il-workshop tal-Malti Komunikattiv għar-Riċerka tat-tieni semestru se jsir filgħaxija. U din id-darba se nżommu għajnejna fuq l-arloġġ. U forsi nagħmlu żveljarin. Ta’ filgħaxija.
(Ritratt meħud minn James Moffett)
Adrian Grima
11 ta’ Diċembru 2024
Għażiż Adrian, Did tidher kienet laqgha mill-aktar interessanti. Ma jistgħux jinġabru dawn il-kontribuzjonijiet u jiġu ppubblikati? Mhux kulħadd ikun jista’ jattendi. Saħħa Mary Rose