L-Esej u l-Post li Nġarrbu

Id-Dipartiment tal-Malti huwa involut f’dan il-proġett innovattiv immexxi mill-kollega tagħna fid-Dipartiment tal-Ingliż, il-Prof. Mario Aquilina. F’Malta se jsiru workshops tal-kitba tal-esej bl-Ingliż u oħrajn bil-Malti.

Logo uffiċjali tal-proġett internazzjonali Essays Beyond Borders iffinzjat mill-programm Erasmus+ tal-Unjoni Ewropea

Kif juru kitbiet reċenti, fosthom f’sit bħal Aphroconfuso, dan huwa ġeneru ta’ kitba “letterarja” li għandu potenzjal kbir, potenzjal li matul dawn l-aħħar mitt sena, fil-kitba bil-Malti qajla sfruttajnieh daqskemm stajna.

Illum, fi żmien meta l-kelma sikwit tintuża b’mod banali, jew saħansitra biex taħbi u tqarraq. il-kitba tal-esej kapaċi tagħti lura d-dinjità lill-kelma u lill-esperjenza individwali u kollettiva tagħna f’Malta u fid-dinja kumplessa li qed ngħixu fiha, dinja mimlija bil-kliem u ċ-ċaħda tal-kliem.

Fl-esej bil-Malti, fil-kitba esejistika, nixtieq li flimkien ma’ dawk kollha li jixtiequ jesperimentaw b’dan il-ġeneru nesploraw ir-relazzjoni tagħna mal-ispazju fiżiku li nsibu ruħna fih jew nagħżlu li nkunu fih. Nixtieq li nesploraw kif l-ispazju jibdilna, kif nibdluh, u kif jinbidel maż-zmien, kif spazju jsir post, kif post isir spazju, kif inħallu ħajjitna warajna f’post, kif post jimlielna ħajjitna.

Nixtieq li nieħdu l-kelma lil hinn mill-post fejn tgħammar, nirrakkontaw esperjenzi lil hinn mill-kelma.

Se nagħmlu sessjonijiet ta’ kitba għall-istudenti fil-kulleġġi postsekondarji, fl-Università, fil-komunità, u fost il-kittieba. U forsi naslu għall-konklużjoni li l-esej kapaċi jgħaddi mingħajrna, imma li aħna ma nistgħux ngħaddu mingħajru. Esej. Esejista. Esejiżmu.

Xi ħaġa hekk…


Leave a comment