Taħditiet dwar l-Istorja u l-Estetika f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka

F’Jannar u April tal-2024, l-uffiċjali edukattivi tal-Malti fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja u tal-Gvern talbuni biex nagħmel taħdita fuq silta mill-ewwel kapitlu tar-rumanz ta’ Juann Mamo li tinsab fis-sillabu l-ġdid taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja. Wara li għamilt dawn l-erba’ taħditiet, irrekordjajt it-taħdita bil-kwiet f’żewġ partijiet fl-uffiċċju biex inkun nista’ niżviluppa l-argument tiegħi bil-galbu. L-ewwel taħdita u t-tieni taħdita jinsabu hawnhekk.

Nota fuq il-kunjomijiet doppji

Fit-taħdita ngħid li fl-ewwel nofs tas-seklu għoxrin f’Malta daħlet id-drawwa li ċerti personalitajiet pubbliċi jżidu kunjom ieħor ma’ dak li kellhom. Fid-daħla kritika għall-ktieb Ġużè Ellul Mercer, Il-Kitbiet Miġbura. L-Ewwel Ktieb: Novelli Soċjali u Kitbiet Oħra (KKM 1985), Ġużè Cassar Pullicino jikteb taqsima sħiħa fuq l-evoluzzjoni ta’ kunjom l-awtur “Minn ‘Ellul’ għal ‘Ellul Mercer'” (vii-viii). Ngħidu aħna, ir-rumanz tiegħu Leli ta’ Ħaż-Żgħir ħarġu f’Diċembru tal-1938 taħt l-isem “Ġużè Ellul” (vii).

Klabb Kotba Maltin, 1985

Mill-1945 nafu li beda juża l-kunjom Ellul Mercer, fost l-oħrajn għaliex meta l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti bagħtitu biex jieħu sehem attiv fl-Assemblea Nazzjonali bħala “delegat rappreżentant” tar-rivista tagħha ll-Malti tniżżel mad-Delegati tal-Istampa bħala “Ellul Mercer” (vii). Madankollu, fil-ġurnali lokali li kienu joħorġu bl-Ingliż, Ellul Mercer kien ilu jiffirma bil-kunjom doppju sa minn qabel it-Tieni Gwerra Dinjija u f’reċensjoni ta’ Ġużè Diacono ta’ Leli ta’ Ħaż-Żgħir li dehret fit-Times of Malta tal-31 ta’ Jannar 1939, Diacono jirreferi għalih bħala dak li fil-kitbiet tiegħu fl-istess gazzetta kien qed jiffirma bl-isem “Joseph Ellul Mercer” (viii).

Id-drawwa li semmejt fit-taħdita fil-fatt kiteb fuqha Anton Cassar fil-ktieb li ħriġna flimkien jien, hu u Olivia Borg fuq Personaġġi f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo (SKS) fl-2013 meta ppubblikajt ir-raba’ edizzjoni tar-rumanz. Fin-nota tiegħu fuq il-personaġġ ta’ Ġużè Dimech Debono (1906- ), “kittieb Stricklandjan u Imperjalista kbir,” Anton Cassar jgħid li “F’din l-epoka kienet daħlet id-drawwa li l-kunjomijiet ikunu b’żewġ kelmiet. Juan Mamo jgħid “Peppi Dimech (u issa wkoll Debono)” u għalhekk sar Dimech Debono. Oħrajn kienu dawn: Ġużè Orlando Smith; Ġużè Ellul li sar Ġużè Ellul Mercer; u Joe Attard li sar Joe Attard Kingswell” (56).

Storja u Estetika f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka | L-ewwel parti

L-ewwel parti tat-taħdita

Din hija l-ewwel parti tat-taħdita ta’ Adrian Grima, mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, fuq l-ewwel kapitlu tar-rumanz ta’ Juann Mamo. It-taħdita jisimha “Storja u Estetika f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka”

Din hija verżjoni aġġornata ta’ taħdita li saret lill-għalliema tal-Malti tas-sekondarja fl-iskejjel tal-Knisja, tal-istat, u indipendenti f’Jannar u f’April tal-2024.


Storja u Estetika f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka | It-tieni parti

It-tieni parti tat-taħdita

Din hija t-tieni parti tat-taħdita ta’ Adrian Grima, mid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta, fuq l-ewwel kapitlu tar-rumanz ta’ Juann Mamo, Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka. Din hija analiżi letterarja tal-ewwel silta mir-rumanz.

It-taħdita jisimha “Storja u Estetika f’Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka” u hija verżjoni aġġornata ta’ taħdita li saret lill-għalliema tal-Malti tas-sekondarja fl-iskejjel tal-Knisja, tal-istat, u indipendenti f’Jannar u April tal-2024.


Leave a comment