Kemm trid tagħsar moħħok

Wara l-iktar deċiżjoni riċenti tal-Qorti fuq il-proġett tagħhom f’Pembroke, id-DB ħarġu stqarrija li fiha qalulna, b’dak it-ton patronizzanti li sar sinonimu magħhom: “we heartily thank everyone, even our harshest critics, for helping us reimagine, rethink and refine where necessary, making a very good thing even better.”

Sinċerament nittama li ma jemmnux kelma minn dak li qed jgħidu. Għax inkella vera naqta’ qalbi.

L-arroganza arkitettoniku tad-DB

M’hemm xejn immaġinattiv fil-gallinari tal-konkos bil-veduta li qed jibnu; m’hemm xejn intelliġenti fl-arja li se jkomplu jniġġsu, fl-istorbju li se jkomplu jagħmlu, fil-ħnuq li bih se jkomplu joħonqu dan ir-raħal ċkejken ta’ pajjiżna. M’hemm xejn immaġinattiv fil-prepotenza arkitettonika tagħhom tielgħa fis-sema bil-ġisem imma bla ruħ.

Skont l-Awditur Ġenerali, l-unika ħaġa immaġinattiva kienet il-kisba tal-art pubblika li fuqha qed jibnu s-“City Centre” arroganti tagħhom. Kemm trid immaġinazzjoni biex tifhem x’qal l-Awditur?

Għalhekk niittama li ma jemmnux kelma minn dak li qed jgħidu fl-istqarrija ferħana li ħarġu.

Għax kemm trid iddum taħseb, u terġa’ taħseb, u ġġib ‘il min jaħseb, biex tagħmel dak li diġà għamlet qablek il-krema tan-negozjanti tal-art li ksiet nofs Malta bil-konkos? Kemm trid tagħsar moħħok biex tagħmel Copy Paste ta’ proġett mibni fuq il-privatizzazzjoni tal-art pubblika, tal-arja, tad-dawl, ta’ toroq maħnuqa bi traffiku bla żbokk u storbju bla moħħ?

Grazzi lir-residenti, lill-kunsilli lokali, lill-għaqdiet mhux governattivi, u lil eluf ta’ nies komuni b’moħħ iktar miftuħ mill-barumbari tad-DB li ġġieldu magħna din il-ġlieda sempliċi kontra l-moħħ żgħir u l-egoiżmu tal-ftit.

Is-soltu ngħidu li ż-żmien għad jagħtini parir. F’dal-każ, ilu ħafna li tahulna.

Leave a comment