Taħdita dwar Mamo, l-istorja u l-estetika

F’April tal-2024 għamilt taħdita lill-għalliema tal-Malti fis-Sekondarja dwar is-silta mill-ewwel kapitlu ta’ Ulied in-Nanna Venut fl-Amerka ta’ Juann Mamo li tinsab fis-sillabu taċ-Ċertifikat tal-Edukazzjoni Sekondarja. L-uffiċjali edukattivi tal-Malti talbuni biex nitkellem fuq l-isfond tas-silta u tar-rumanz u fuq ir-relevanza tiegħu llum, u għalhekk tkellimt fuq dawk li Oliver Friggieri, f’L-Idea tal-Letteratura, isejħilhom id-dimensjoni storika u d-dimensjoni estetika (jew universali) tax-xogħol letterarju.

It-taħdita għamiltha tliet darbiet lil gruppi differenti ta’ għalliema mill-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti. L-ewwel waħda saret fis-sekondarja ta’ Bormla, il-Verdala; it-tieni fis-sekondarja tal-Mosta, iż-Żokrija; u t-tielet fis-Sekondarja ta’ Ħal Kirkop, fil-Kulleġġ San Benedittu.

Għalija dawn it-tliet taħditiet kienu okkażjoni importanti biex wara nitkellem ma’ wħud mill-għalliema u nisma’ dwar dak li qed jagħmlu fil-klassijiet u kif nistgħu naħdmu iktar mill-qrib flimkien.

Dimensjoni Storika, Dimensjoni Estetika

Kull xogħol letterarju huwa marbut mal-persuna li tiktbu, mal-post fejn tiktbu u maż-żmien li fih tiktbu. Meta nħarsu lejn id-dimensjoni storika tar-rumanz ta’ Mamo rridu nqisu ħafna aspetti, fosthom l-istorja personali tiegħu u tal-pubblikazzjoni tar-rumanz; il-“lingwi” u “lingwaġġi” li kien qed jikteb “fihom;” il-Malta li kien qed jikteb fuqha; it-tradizzjoni letterarja li kien jitnebbaħ minnha u dik li kien qed jeħodha kontriha; u l-idea tiegħu tal-letteratura, l-estetika letterarja li jħaddan. F’dan il-kuntest, ix-xogħol li għamilna fuq il-personaġġi u l-ġrajjiet li jissemmew fir-rumanz u fuq il-glossarju fl-aħħar tar-rumanz jista’ jkun punt ta’ riferiment utli għall-għalliema.

Fejn tidħol id-dimensjoni estetika, l-element “ta’ fejda” li jibqa’, kif isejjaħlu Oliver Friggieri, naħseb li rridu nħarsu lejn dak li Mamo jagħmel bil-lingwa, fuq il-livell tal-lessiku, tal-frażijiet u tas-sentenza; tat-ton; tal-lingwaġġi differenti li juża, bħal dak mhux mistenni tal-etnografu u tal-gwida; tar-retorika u tal-lingwaġġ figurattiv; u l-plott. F’dawn l-aspetti kollha, dak li jagħmel Mamo jaqtgħu għalkollox minn dak li għamlu l-awturi ta’ qablu u ta’ żmienu, u sa ċertu punt, anki mill-awturi li ġew warajh. Dan, fil-fehma tiegħi, huwa l-Mamo ta’ fejda li jibqa’, il-Mamo li jagħtina ħjiel ta’ dak li nistgħu nagħmlu aħna stess meta niktbu.

It-taħditiet kienu parti minn programm ta’ taħriġ u żvilupp professjonali għall-għalliema tal-Malti. Warajja kien hemm żewġ kelliema oħrajn li qabdu aspetti differenti tas-sillabu: Dr David Aloisio li tkellem fuq l-analiżi ta’ test letterarju, u s-Sur Dwayne Ellul li tkellem fuq is-semantika u kif tista’ ngħallimha.


Leave a comment