Fil-jiem li għaddew żort l-Alġerija biex nara fejn trabbiet Concetta Brincat, l-ewwel awtriċi ta’ rumanzi bil-Malti. Mort mhux tant biex nikseb informazzjoni importanti ġdida imma iktar biex nipprova nifhem x’tip ta’ belt għexet fiha flimkien ma’ ommha u missierha u ma’ ħutha.
Il-Vjaġġ it-Twil tar-Riċerka
Meta fl-1885 Concetta u l-ġenituri tagħha qabdu t-triq lura lejn Malta, ħutha s-subien, Spiridion u Salvator, baqgħu Konstantina. Għal ħafna żmien ma kontx naf jekk marrux jgħixu f’belt oħra, bħall-Alġier, jew jekk marrux Franza. Illum naf li mietu Konstantina. Fi Frar tas-sena ta’ qabel mietet oħtha Carmela, erba’ snin ikbar minnha, ta’ sbatax-il sena, u f’Ġunju Concetta kisbet iċ-Ċertifikat prestiġjuż tal-Istudji Primarji. Meta tħares lura lejn dawn iż-żewġ ġrajjiet li nafu bihom tista’ tassumi li għall-familja kien bħallikieku ngħalaq kapitlu. Naturalment, b’dak iċ-ċertifikat rari f’idejha, Concetta kellha d-dinja mifruxa quddiemha. Ħafna Maltin li marru ta’ fuqhom senduqhom l-Alġerija saru nies. Ħadmu bla heda, bagħtu lil uliedhom l-iskola, u telgħu bi tbatija u b’ħafna sagrifiċċju l-iskaluni tas-soċjetà. Concetta setgħet baqgħet l-Alġerija u saret kittieba. Kieku llum qed nitkellmu fuq mara ta’ nisel Malti li għamlet isem għaliha u għal niesha.
Ma kellux ikun. Jista’ jkun li ommha u missierha ma ridux jibqgħu jgħixu f’dik id-dar fil-qalba tal-belt qadima ta’ Konstantina, aktarx mhux fl-iktar parti sinjura, fejn mietet qasir il-għomor Carmela. Forsi riedu jmorru lura l-Laqxija, Birkirkara, fejn trabbew u welldu lil uliedhom. Kienu jafu li se jħallu warajhom lil Spiridion, il-kbir, u lil binhom l-ieħor Salvator. Omm Concetta Ġuża, xebba Borg, kienet taf ukoll li kienet se tħalli warajha lil tnejn minn ħutha s-subien u l-familji tagħhom. Imma l-emigrazzjoni hija vjaġġ ikkumplikat li fih iridu jsiru għażliet ftit iktar diffiċli minn ta’ dawk li jibqgħu fl-art fejn twieldu u trabbew. Ta’ avventura u firda. Ta’ relazzjonijiet u opportunitajiet ġodda u ċ-ċaħda ta’ rabtiet oħra. Taqta’ minn fejn taqta’ joħroġ id-demm.
Kont diġà żort l-Alġerija darbtejn kważi ħmistax-il sena ilu. F’Marzu tal-2008 kont ħadt sehem f’laboratorju tat-traduzzjoni tal-poeżija fl-Alġier organizzat minn Literature Across Frontiers u organizzazzjonijiet oħrajn u f’Mejju tal-2009 kont tkellimt fuq l-assenza tal-Mediterran f’konferenza akkademika fl-Università ta’ Oran, it-tieni l-ikbar belt tal-Alġerija li tinsab in-naħa l-oħra tal-pajjiż, fil-punent, in-naħa tal-Marokk. Hawnhekk kont qrib it-Tuneżija. Il-ġenn biex inżur Konstantina tqanqal meta bejn l-2020 u l-2021, fi żmien il-COVID, qattajt sena nfittex fuq Concetta u familtha u nieħu ras dawk li qattgħu dawk ix-xhur ta’ iżolament miegħi. Kienu joqogħdu jisimgħuni, speċjalment Nathalie, inġonġi, ġimgħa wara l-oħra, il-biċċiet iż-żgħar ta’ jigsaw puzzle kbira. Kultant nifraħ, kultant niddispra. Kultant ninduna li qbadt tarf tajjeb. Kultant nirrealizza li qed inżarrat minflok inħit.
Dak iż-żmien, naturalment, ma kienx possibbli mmur l-Alġerija u ridt nippjana l-mawra tiegħi sew. Għax waqt li Concetta u l-ġenituri tagħha qattgħu għaxar snin hemmhekk, id-dokumenti storiċi kollha li stajt insib marbutin mal-preżenza tagħhom hemm aktarx kienu ilhom li telqu mill-pajjiż mal-Franċiżi mill-1962, is-sena li fiha l-Alġerini kisbu l-Indipendenza wara 132 sena ta’ kolonizzazzjoni.

Għaldaqstant, f’dik is-sena ta’ riċerka li għamilt fuq il-ħajja u l-kitba ta’ Concetta, intbaħt li ħafna mit-tiftix dwar tfulitha Konstantina ridt nagħmlu online. Għax waqt li d-dokumenti dwar l-istat ċivili (twelid, żwieġ u mewt) u l-kopji tal-gazzetti tal-epoka bil-Franċiż kienu f’arkivji differenti fi Franza, stajt inżurhom permezz tal-internet mingħajr ma niċċaqlaq mill-uffiċċju. B’hekk bnejt pjanta tal-ġrajjiet ewlenin li seħħu f’ħajjitha u f’ħajjet il-familja tagħha Konstantina. Kont noħroġ mill-uffiċċju jew mid-dar biss biex immur l-Arkivji Nazzjonali ta’ Santu Spirtu tar-Rabat: minn hemmhekk stajt nistabbilixxi, b’ħafna paċenzja u għajnuna, meta u fejn emigrat il-familja Xiberras. U meta ġiet lura.
It-Traġedja ta’ Spiridion
Ġimgħa qabel ma bdejt il-vjaġġ lejn l-Alġerija, erġajt qbadt infittex fis-siti li kont qallibt bla heda fi żmien il-pandemija. Ma kellix tama li dak li ma sibtx dak iż-żmien kont se nsibu issa, imma meta tkun qed tfittex, u tinkileb mill-ħerqa li ssib, tibqa’ tgħarrex u ssus.

Id-dixxendenti ta’ Concetta Brincat, xebba Xiberras, kienu qaluli li ħuha l-kbir, Spiru, missier u armel, kien involut fi ġrajja mdemmija, il-vittma ta’ ħallelin li ppruvaw jisirquh waqt li kien fl-istabbiliment li minnu kien jaqla’ x’jiekol u jgħajjex lil ibnu. Sentejn ilu qattajt ġimgħat sħaħ infittex xi ħjiel ta’ ġrajja bħal din li fiha kien imdaħħal xi ħadd kunjomu “Xiberras” fil-gazzetti tal-epoka li kienu joħorġu bil-Franċiż (ladarba m’iniex kapaċi naqra l-gazzetti bil-Għarbi). Kont sibt referenza għall-qtil ta’ “Xiberras” fil-kuntest ta’ aħbar dwar qtil ieħor, imma ma kellix informazzjoni diretta dwaru.
Imbagħad ġimgħa qabel ma sifirt sibt l-aħbar li kont qed infittex f’waħda mill-gazzetti li kienet toħroġ l-Alġier. Grupp ta’ ħallelin daħlu fuq Spiru Xiberras fil-ħanut tax-xorb li kellu f’Rue Nationale, serquh u ħallewh għal mejjet. Skont id-dokumenti uffiċjali tal-gvern Franċiż fl-Alġerija, Xiberras baqa’ mitluf minn sensih u miet ftit tal-jiem wara fl-isptar ċivili minħabba l-ġrieħi li ġarrab.
Fil-futur jaf jinkixfu dettalji ġodda. Waqt li kont Konstantina, aħna u għaddejjin minn dik li kienet Rue Nationale, l-istorika Ouanassa Siari Tengour urietni l-binja, nru 100, li fiha kien hemm l-uffiċini tal-gazzetta La Dépêche de Constantine et de l’Est Algérien li bdiet toħroġ fl-1908. Naħseb li din kienet tkun il-gazzetta ideali biex fiha nsib tagħrif dwar il-qtil ta’ Spiridion għax l-attakk seħħ iktar ’l isfel fuq l-istess naħa tat-triq. Il-ġurnalisti setgħu faċilment semgħu b’dak li kien ġara u marru malajr fuq il-post biex jiġbru l-informazzjoni b’mod dirett. Jaf il-gazzetta nazzjonali li fiha sibt l-aħbar inqdiet b’din il-gazzetta ta’ Konstantina biex iġġib l-informazzjoni tagħha. Fuq Gallica hemm ħafna mill-ħarġiet ta’ La Dépêche de Constantine imma m’hemmx dawk tal-1916. Jista’ jkun li fis-snin li ġejjin itellgħuhom ukoll.

It-Toroq tal-Familja Xiberras
Id-djar li kellhom il-membri tal-familja Xiberras kienu, tista’ tgħid, tefgħa ta’ ġebla ’l bogħod minn xulxin fil-qalba tal-belt il-qadima. Concetta, oħtha Carmela u l-ġenituri tagħhom kienu joqogħdu fi triq dejqa mhux ’il bogħod mill-irdum li jagħti għal fuq ix-xmara fil-fond tal-wied, iktar minn tliet mitt metru ‘’l isfel. Spiridion u l-familja tiegħu, u Salvator u l-familja tiegħu kienu joqogħdu iktar ’il fuq fuq l-istess naħa tal-għolja.
F’dik il-qaqoċċa ta’ toroq kien hemm il-Katidral tal-Insara fejn żżewġu, għammdu lil uliedhom, u bkew it-telfa ta’ Carmela u tal-ulied li mietu trabi jew tfal żgħar. Dan il-katidral kien moskea li meta ġew il-Franċiżi kkonvertewha f’katidral, u meta telqu l-Franċiżi fl-1962, l-Alġerini reġgħu għamluha moskea, kif inhi llum. Kollox fl-istess kwartier fil-qalba ta’ Konstantina, qisu raħal żgħir fil-qalba ta’ belt kbira u kożmopolita.
Il-ħbieb tagħna minn Konstantina, midħla sew tal-istorja tal-belt, qalulna li waqt li hu veru li fit-triq ta’ Concetta kienu joqogħdu ħafna Alġerini, huwa veru wkoll li għall-bidu li kienu jaslu Konstantina, bosta Ewropej kienu jmorru joqogħdu f’din it-triq. Nassumi li kienu jibdew minn hemm għax il-kera kienet baxxa u mbagħad, bħalma għamlu ħut Concetta li kienu bejjiegħa tax-xorb, kienu jmorru jgħammru iktar ’il fuq.
Konstantina tal-aħħar tas-seklu dsatax kienet maqsuma, b’mod ġenerali, fi tliet kwartieri: kellek il-kwartier militari, mifrux fuq parti importanti mill-belt; il-kwartier Ewropew, fuq nett, li fih kienu joqogħdu l-Franċiżi, u fit-toroq ta’ taħthom l-Ewropej l-oħra u l-Lhud Għarab; u mbagħad il-kwartier “Għarbi,” jiġifieri Alġerin, il-kwartier tal-Musulmani. Aktarx li kif turi l-istorja tal-familja Xiberras, il-qasma bejn l-Ewropej mhux Franċiżi u l-Alġerini ma kinitx daqshekk sħiħa għax kien hemm familji Ewropej li kienu joqogħdu wkoll fil-parti Alġerina.

Il-Maltin li emigraw lejn l-Alġerija fittxu l-bliet fil-Lvant, qrib it-Tuneżija, dawk li kienu l-iktar qrib ta’ Malta. L-iktar bliet li ġibdu lill-Maltin kienu Bona (illum Annaba) u Philippeville (illum Skikda), it-tnejn bliet ta’ mal-baħar. Konstantina ma kinitx l-iktar belt popolari fost l-emigranti Maltin imma kien hemm għadd kbir xorta waħda. Fl-1870, meta twieldet Concetta Brincat Birkirkara, u ftit qabel ma waslet l-Alġerija, infetħet linja tal-ferrovija bejn Philippeville u Konstantina. Jaf il-familja Xiberras rikbet fuq wieħed mill-vapuri tal-art li kienet jużaw din il-linja minn qrib il-baħar Mediterran lejn il-muntanji ta’ Konstantina fejn Concetta kellha tqatta’ t-tfulija tagħha u tikseb edukazzjoni tajba.
Adrian Grima | 5 ta’ Ġunju 2023
Ħajr speċjali lid-Dipartiment tal-Malti fil-Fakultà tal-Arti u lill-Università ta’ Malta tal-għajnuna b’din ir-riċerka
Din il-kitba dehret ukoll fil-gazzetta It-Torċa tal-Ħadd 25 ta’ Ġunju 2023. Ħajr lill-editur, is-Sur Victor Vella.



Adrian
Ma nafx jekk kontx ghidtlek b’dawn il-passaporti.
F’kaz li le, hawn huma.
1900-40 PASSPORTS MALTA NO DATE OF ISSUE SURNAME NAME SON, DAUGHTER, WIFE OF OCCUPATION DATE OF BIRTH AGE PLACE OF BIRTH ADDRESS LITERACY DESTINATION REMARKS REMARKS1 REMARKS11
Mark