
Nhar it-Tlieta, 23 ta’ Mejju 2023, fis-6.00pm, fil-Librerija tal-Fakultà tal-Arti, fl-Università ta’ Malta, Tal-Qroqq, Frank Zammit, minn Sydney, se jitkellem fuq il-poeżija tiegħu u fuq il-letteratura Maltija fl-Awstralja.
L-awtur se jiġi intervistat minn Adrian Grima, li jgħallem il-letteratura Maltija fid-Dipartiment tal-Malti tal-Università. Waqt li jkun Malta, Zammit se joħroġ ktieb ġdid tal-poeżiji, Mill-Bir ta’ Qalbi (2023), bi studju ta’ Dr Patrick Sammut, li jiżdied ma’ għadd ġmielu ta’ kotba li ppubblika Malta u l-Awstralja.
Din l-attività pubblika qed jorganizzaha d-Dipartiment tal-Malti fi ħdan il-Fakultà tal-Arti u jista’ jattendi għaliha kulħadd.
Skont Oliver Friggieri (Trifolju ta’ Lwien, 2014), bħala poeta, Frank Zammit “huwa qabelxejn emigrant, xi ħadd Ii jħoss il-kwistjoni tal-għeruq bħala realtà dejjem ‘in fieri’, argument dejjem miftuħ, inkomplet. Il-poeżija tat-tifkira hi element importanti fil-kitba kollha ta’ Frank Zammit. Mill-memorja tiegħu, maħżen ta’ żewg artijiet imbiegħda u differenti ħafna Ii huwa trawwem bħala poeta fl-ispazju ‘psikoloġiku’ ta’ bejniethom, huwa jagħżel aspetti karatteristiċi Ii juru fuq kollox sa liema punt il-poeżija tiegħu tistrieħ fuq l-imgnoddi, kundizzjoni permanenti f’kuntrast imma anki fi qbil mal-preżent. L-effett ewlieni tal-poeżiji tat-tifkira huwa Ii dawn jitbiddlu f’oġġetti statiċi, dejjiema, maqbudin għal dejjem fl-għeluq taż-żmien Ii jgħaddi u jeqred.”
FRANK ZAMMIT twieled il-Belt Victoria, Għawdex fis-27 ta’ Jannar 1944 u trabba I-Marsa. Ta’ għoxrin sena emigra lejn I-Awstralja fejn iżżewweġ u kellu tlett itfal. FI-1981 reġa’ lura Malta bil-familja biex ta l-opportunità lil uliedu li jgawdu wkoll il-kumplament tal-familja u li jifhmu aħjar il-kultura Maltija, sakemm fl-1984 irritorna Sydney bil-familja. Studja fis-Seminarju Arċiveskovili tal-Furjana, il-Liceo tal-Ħamrun, u Southampton, l-Ingilterra.
FI-Awstralja għamel korsijiet terzjarji tal-accountancy, il-liġi kummerċjali, l-informatika, ix-xandir, u l-ġurnaliżmu f’diversi kulleġġi Awstraljani u fl-iSpecial Broadcasting Services (SBS) Sydney.
L-Awstralja kien wieħed mill-pijunieri tat-tagħlim tal-Malti. Ħadem bħala computer programmer u systems analyst, accountant, investment manager, u traduttur u interpretu part-time mal-gvern u mal-privat f’bosta oqsma. Għal ħafna snin kien parti mit-tim ta’ xandara tar-Radju SBS ta’ Sydney.
Fl-isfera letterarja, Zammit kien u għadu attiv fl-għaqdiet letterarji f’Malta u l-Awstralja. Il-poeżiji tiegħu dehru f’għadd ta’ kotba: Bejn Żewġ Gżiriet (1995), II-Ballata tal-Maltin ta’ New Caledonia (1988), Il-Quddiesa bil-Għana Malti (1990), It-Triq Imqaddsa (1990), Valentin V. Barbara 70 Sena (koawtur, 1990), The Self and Beyond It, traduzzjoni ta’ ll-Jien u Lil Hinn Minnu ta’ Dun Karm (1997), Qwiel minn Fomm l-Imġarrab, poeżiji fuq stil ħajku (2010), u Mixjieti fi Triqatek (2013). Zammit huwa wkoll koawtur f’għadd ta’ antoloġiji li ħarġu fl-Awstralja u Malta, fosthom Trifolju ta’ Lwien (2014). Huwa jemmen li I-element ewlieni tal-identità Maltija huwa I-ilsien Malti.

Patrick Sammut jgħid li fil-poeżiji ġodda fil-ktieb Mill-Bir ta’ Qalbi (2023), Zammit jiddeskrivi “vjaġġ eżistenzjali, djarju ta’ poeta Malti-ċittadin-missier-nannu li ħalla wrajh lil art twelidu biex jgħix fug gżira kontinent imbiegħed.” Waħda mill-karatteristiċi Romantiċi f’dawn il-poeżiji hija l-ġibda lejn l-ambjent li magħha tiżdied ir-riflessjoni fuq il-konsegwenzi tal-iżvilupp. Sammut jikteb fuq kif il-poeżija ta’ Zammit tirrifletti wkoll l-esperjenzi tiegħu bħala bniedem attiv fil-komunità u permezz tagħhom. jiltaqa’ ma’ każijiet serji ta’ inġustizzja, żdingar u abbuż minn “tfal, nisa u xjuħ li ma jistgħux jew ma jafux kif jgħinu lilhom infushom.”
Frank Zammit għadu jaħdem f’diversi oqsma kulturali u soċjali fost il-Maltin fi New South Wales.
Dawn huma l-mistoqsijiet li ħejjejt għall-intervista ma’ Frank Zammit:
- Frank, xtaqt nibda b’mistoqsija bijografika. Inti mill-Marsa, u naf li għandek qalbek marbuta mal-Marsa. Imma twelidt ir-Rabat, Għawdex fl-1944. Tista’ tispjegalna għaliex twelidt Għawdex? Naf li titkellem fil-qosor fuq hekk fil-“Kelmtejn lill-Ħbieb” fil-bidu tal-ktieb tiegħek Mixjieti fi Triqatek. L-ewwel Ċentinarju tal-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa Marsa. 1913-2013 (Ċentru Malti La Valette, Blacktown NSW, 2013). Tiftakar xi ħaġa minn dak li tgħid il-familja tiegħek fuq iż-żmien li qattgħet Għawdex?
- Il-poeżiji tiegħek f’dan il-ktieb huma mimlijin nies li kont taf il-Marsa u ġrajjiet marbutin magħha. X’tiftakar mit-tfulija tiegħek il-Marsa? Qed nitkellmu fuq il-perjodu ta’ bejn it-tmiem tat-tieni gwerra dinjija, li fiha l-Marsa sofriet ħafna minħabba li tinsab mal-port, u l-Indipendenza.
- Taħseb li l-Marsa kienet lokalità differenti minn irħula jew bliet oħrajn f’Malta dak iż-żmien?
- Interessanti li meta tlaqt minn Malta mort skola Southampton, belt oħra mal-baħar. X’memorji għandek tal-esperjenza tiegħek l-Ingilterra?
- Frank, fl-1988 inti ppubblikajt Il-Ballata tal-Maltin ta’ New Caledonia. Dan ix-xogħol iddedikajtu “lil min għandu għal qalbu l-wirt ta’ demmu u demmi u jifraħ bil-ġid ta’ ħutna Maltin.” Xi tfisser għalik illum din id-dedika?
- Il-ġrajja ta’ Il-Ballata tal-Maltin ta’ New Caledonia hija dwar ġrajja li seħħet tassew fl-1916. Ġrajja li jiddispjaċini ngħid li l-biċċa l-kbira tal-Maltin ma jafuhiex. Inti ktibtha wara li ġie f’idejk il-ktieb importanti tal-istoriku Malti-Awstraljan, Barry York, Empire and Race: The Maltese in Australia 1881- 1949, (New South Wales UP, 1990) u qrajt l-istorja drammatika ta’ dawn il-mitejn u erbatax-il Malti u Maltija li ma tħallewx jinżlu l-art minn fuq il-vapur Gange. Għal dawk fostna li ma jafuhiex, x’kienet din il-ġrajja drammatika?
Nhar it-tnax tax-xahar f’Settembru Elf disa' mija w sittax, ftit jiem biss wara l-Vitorja, mitejn kienu w erbatax. Bejn Maltin w Għawdxin li nġabru f'Port il-Kbir biex jemigraw lejn l-Awstralja, fejn hemm xtaqu b’ħidma w għagal ġid jaraw. Min ilumhom jekk tamiethom kienu kbar għaliex ħassew b’passaport tal-Gran Brittanja hemm żgur jiġu stmati sew! Ma’ dawk ħbiebhom l-Awstraljani qasmu t-tama, wisq batew waqt taqbid ġewwa Gallipli flinkien tħabtu, flimkien bkew. (10)
- Għall-kittieba, il-forma li jagħtu lill-kitba tagħhom mhix xi ħaġa inċidentali, mhix kumbinazzjoni. Għax kif nafu, il-forma u l-kontenut tal-kitba jridu jaħdmu flimkien u jsaħħu lil xulxin. Hawnhekk inti għażilt li tinqeda b’dik li ssejħilha “il-forma tal-ballata Maltija tradizzjonali,” l-għana tal-fatt. Kwartini u vers tat-tmienja, jew ottonarju. Għaliex għażilt din il-forma? F’dan ix-xogħol kien ħa sehem l-għannej u kitarrist Joe Galea, Grace Camilleri, għana u akkumpanjament, u Eddie Busuttil li ħa ħsieb id-direzzjoni mużikali. Għaliex ridt li jkun hemm recording bl-għana u d-daqq tradizzjonali Malti?
- Frank, inti ridt li din il-ballata tkun biċċa xogħol “fejjieda.” Kelma sabiħa “fejjieda.” F’liema sens “fejjieda”? Għal min? Kemm tara xebh bejn din il-ġrajja drammatika ta’ grupp ta’ Maltin li kienu qegħdin ifittxu ħajja aħjar, jew kienu qegħdin jaħarbu mill-faqar u l-għaks, u l-ġrajjiet ta’ tant immigranti tal-lum li qegħdin ifittxu ħajja aħjar ’il bogħod mill-kenn ta’ darhom u ’l bogħod mill-familji u l-ħbieb tagħhom?
- Għaliex importanti li nkunu nafu l-istorja tagħna, dak li għaddew minnu missirijietna u ommijietna? Kemm huma importanti għalina llum dawn it-“tifkiriet ta’ qlubija u sagrifiċċju kbir”?
- Tajt ħafna importanti li din il-ballata għax mhix biss dwar ġrajja li seħħet fl-1916: hija poeżija li fiha tirrifletti fuq l-esperjenza kumplessa, li sikwit diffiċli ssib kliem biex tfissirha, tal-emigrazzjoni, anki tiegħek personali: it-tbatija tat-tluq u l-firda; il-biża’ minn dak li jista’ jiġri u l-inkwiet fuq dak u fuq dawk li se tħalli warajk; il-kuraġġ tal-għaġeb; id-determinazzjoni; it-tama f’ġejjieni aħjar, il-qtigħ il-qalb u fl-istess ħin is-sens ta’ avventura; il-ħolm u d-diżappunti; l-integrazzjoni f’komunità għalkollox ġdida.
Barra dan ir-razza tagħna
sewda kienet hawn titqies
minn xi wħud li ħasbu lewnek
u mhux dehnek jagħmlek nies! (13)
- L-istorja tispiċċa hekk:
Fit-tlettax-il jum ta’ Marzu
Elf disa’ mija w sbatax,
wara t-twal sitt xhur miżerja
inkwiet aktar ma baqax!
Donnhom anqas riedu jemmnu
li gew fl-ahhar meħlusin:
Fost ferh kbir bdew ħajr iroddu
lill-Madonna w lill-Bambin.
Min sab xogħol ġewwa I-minjieri,
min fir-raba’ jew fit-triq,
min mar jaqta’ l-kannamieli:
Kulħadd fittex li jixtieq. (24)
- Waħda mill-iktar poeżiji kommoventi fil-ktieb Trifolju ta’ Lwien (2014) hija “La Tiġix Lura.” Jien se naqraha, jekk ma jimpurtax. Wara ma nafx tixtieqx tgħid xi ħaġa fuqha.
La tiġix lura jekk ma tkunx liebsa
il-libsa l-ħamra
ta’ demm it-traġedja
u ċ-ċurkett il-mibrux
Ii m’għadux jiġik.
La tiġix Iura
jekk ġbinek ma jkunx imxarrab
bil-għaraq tal-ħajja iebsa
u jekk ħaddejk
ma jkunux imdellkin bid-dmugħ
imħallat mat-tajn tal-ħamla
Ii ġarritek magħha.
La tiġix lura
jekk it-triq lejja ssibha watja
u għarqbejk ma jkunux maħruqin
bir-ramel jikwi tad-deżert
Ii firidna u iżolana.
La tigix lura
jekk taħseb Ii se ssibni nistenniek
tard filgħaxija
bl-imnara f’idi
fuq l-għatba mmermra
tal-bieb imsewwes
Ii kont sabbatt warajk meta ħallejtni.
La tiġix lura
jekk issa temmen Ii ħadd ħliefi
mhu se jsabbrek u jaħjik …
għax jien ftaqart
u ma baqagħli xejn x’nagħtik.
7.3.1996
- Issa nixtieq indur għall-ġabra l-ġdida tiegħek Mill-Bir ta’ Qalbi (2023) li għadha kemm ġiet stampata Malta. Dr Patrick Sammut, li kiteb id-daħla kritika tal-ktieb, jgħid li f’dawn il-poeżiji ġodda inti tiddeskrivi “vjaġġ eżistenzjali, djarju ta’ poeta Malti-ċittadin-missier-nannu li ħalla wrajh lil art twelidu biex jgħix fug gżira kontinent imbiegħed.” Tista’ tgħidilna ftit dwar ir-rwol tiegħek bħala nannu? Kemm tħoss li r-relazzjoni man-neputijiet jispira l-poeżija tiegħek?
- Kemm għandek qalbek marbuta miegħu dan l-ambjent naturali? Ngħidu aħna poeżija tiegħek tal-1995 (Trifolju ta’ Lwien) bl-isem ta’ “Fi Ħdan in-Natura,” tibda hekk, donnha f’nofs ħsieb li jkun diġà għaddej:
… u hemm ukoll
l-ilħna Ii ma nismax,
il-ħars Ii ma narax,
tfaqqigħ ta’ daħq
u krib l-ugigħ
Ii qatt ma jaslu sa widnejja:
dawn biċċa minni wkoll
għax jiena ma jien xejn
għajr ċellola oħra moħbija
il-gisem mistiku
ta’ omm Ii ma tmut qatt.
Kemm tħossok qrib l-ambjent naturali tal-Awstralja?
- Patrick Sammut jgħid li waħda mill-karatteristiċi Romantiċi f’dawn il-poeżiji hija l-ġibda lejn l-ambjent li magħha tiżdied ir-riflessjoni fuq il-konsegwenzi tal-iżvilupp. Din tema li tidher diġà f’poeżija tal-1996, “L-Aħħar Salut” (Trifolju ta’ Lwien, 75), dwar “l-isbaħ widien u għoljiet” li ħallejt warajk meta tlaqt minn Malta u “l-gaffa tibla’ dejjem bla qatt ma tixba’” li sibt meta ġejt lura Malta. Kemm taħseb li din ir-relazzjoni tiegħek mal-ambjent naturali hija grazzja, speċjalment meta tqis l-urbanizzazzjoni u ċ-ċementifikazzjoni mgħaġġla ta’ Malta kemm ilek l-Awstralja?
- Frank, hemm aspett ieħor tal-ħajja u l-kitba tiegħek li nixtieq li nagħtuh l-prominenza kollha li jistħoqqlu, l-impenn tiegħek fil-komunità, kemm fost il-Maltin tal-Awstralja kif ukoll fost membri oħrajn tal-komunità. Hemm eżempju ta’ dan fil-poeżija “It-Tallaba” miktuba fis-sena 2000 fil-ktieb Trifolju ta’ Lwien (84) dwar ommijiet “jittallbu għall-għajxien ta’ wliedhom” maħkumin mid-droga, jew f’poeżija oħra bl-isem ta’ “Jien iben is-Sirja” tal-2013 (91). Patrick Sammut jikteb fuq kif il-poeżija tiegħek tirrifletti wkoll l-esperjenzi tiegħek bħala bniedem attiv fil-komunità u permezz tagħhom tiltaqa’ ma’ każijiet serji ta’ inġustizzja, żdingar u abbuż minn “tfal, nisa u xjuħ li ma jistgħux jew ma jafux kif jgħinu lilhom infushom.” Tista’ tkellimna aktar dwar dan l-impenn tiegħek?
- Kif issarraf dawn l-esperjenzi f’poeżija? Billi tirrakkonta dawn is-sitwazzjonijiet min-naħa tal-vittmi? Jew min-naħa tiegħek bħala osservatur attiv ta’ dak li jkun qed jiġri?
Hi Adrian,
Grazzi.
Kif naghmel biex nara l-intervizta bil-video?
Geoffey jinsab kuntent li l-kitba kreattiva u strategika li kkompona kienet utili ghalikom.
Nxtieqlek vjagg ghal Constanina b’success.
Mark