Nhar it-Tlieta 31 ta’ Jannar 2023, fuq stedina tal-Għaqda tal-Għalliema tal-Malti, għamilt taħdita għall-għalliema dwar il-qari kritiku ta’ poeżija.
It-taħdita semmejtha “Il-Qari Kritiku ta’ Poeżija jew kif kull darba li taqraha tqanqal poeżija ġdida.” Normalment sessjoni bħal din nibniha fuq ktieb li dejjem sibtu utli u stimulanti, Teaching the Art of Poetry: The Moves, ta’ Baron Wormser and David Cappella (Routledge, 2000). Jaffaxxinani l-mod kif jibda bir-ritmu. Bil-ħoss. Bil-mod kif il-poeżija tidħol f’ġisimna. Jew aħjar isseħħ f’ġisimna.
Imma din id-darba użajt id-dsatax-il volum ta’ Poetry for Students. Il-ktieb iqassam l-analiżi ta’ kull poeżija skont sensiela ta’ elementi li jidhirli li huma utli għalina wkoll fil-kuntest tax-xogħol li jrid isir fejn jidħol il-Malti għaċ-ĊES. “Each volume of Poetry for Students: Presenting Analysis, Context, and Criticism on Commonly Studied Poetry (Gale, 2004) (vol. 19) provides analysis of approximately 15-16 poems that teachers and librarians have identified as the most frequently studied in literature courses.”
Il-proċess tal-analiżi, imsejjes fuq dan il-ktieb, qassamtu hekk:
- Introduzzjoni
- Bijografija
- Il-poeżija fil-qosor
- Temi
- Stil
- Il-Kuntest Storiku
- Kif intlaqgħet il-poeżija
- Analiżi kritika ppubblikata
- Addattamenti u interpretazzjonijiet b’mezzi oħra
- Suġġetti marbutin ma’ dixxiplini oħra
- Xebh u differenzi
- X’tista’ taqra wkoll
Wara li ppreżentajt din il-lista għedt xi ħaġa fuq kull wieħed minn dawn l-elementi fid-dawl tal-proġett sħiħ tal-analiżi tal-poeżija.
Imbagħad ħarist lejn il-poeżija ta’ Lillian Sciberras, “Bħal Minutiera,” li dehret fi Klessidra, Versi taż-Żmien Maħrub (Horizons, 2014), il-ġabra tal-poeżiji kollha tagħha. Skont il-manuskritt ta’ dan il-ktieb li kelli aċċess għalih għax l-awtriċi talbitni nikteb daħla kritika, din il-poeżija nkitbet fit-30 ta’ April 2008. Id-data hija relevanti fid-dawl tal-pożizzjoni li nieħu fil-qari kritiku tiegħi fuq il-kuntest li fih jinkiteb xogħol letterarju u r-relevanza li dan jista’ jkollu fuq il-qari tagħna f’kuntest storiku differenti.

Fl-aħħar parti tat-taħdita tkellimt fuq aspett tar-rispons tal-istudenti bħala qarrejja kritiċi, jiġifieri r-riflessjoni tagħhom fuq “l-effett” li tħalli fuqhom il-poeżija bħala individwi.
- Xi ħaġa fuq l-effett/i:
- għalija l-kwistjoni tal-effett li jħallu l-mekkaniżmi letterarji hija fundamentali;
- għax il-kwistjoni mhix biss x’tifhem biha, ngħidu aħna, li “moħħi, bla ma nitolbu, / iterraq lura fis-snin mgħoddija;”
- il-kwistjoni hija wkoll, xi tfisser għalija, jiġifieri xi nħoss meta naqra din ix-xbieha (f’tagħqida ta’ similitudni u metafora), x’jiġini f’rasi, ma’ xiex nassoċjaha, fiex iġġegħelni naħseb
- il-kwistjoni hija wkoll,
- xi tfisser għalija, jiġifieri xi nħoss ġo fija meta naqra din ix-xbieha (tagħqida ta’ similitudni u metafora),
- x’jiġini f’rasi,
- ma’ xiex nassoċjaha,
- fiex iġġegħelni naħseb.
- għalhekk mhix biss kwistjoni li ssib il-metafori, jew is-similitudnijiet, u tiġborhom f’lista anonima;
- il-qari ta’ poeżija hija esperjenza sħiħa ta’ ħsibijiet, emozzjonijiet, sensazzjonijiet, assoċjazzjonijiet mentali, reazzjonijiet istintiva u reazzjonijiet oħrajn aktar raġunati; il-ġenerazzjonijiet ta’ ħsejjes u immaġnijiet; u l-bqija;
- min jaf kemm-il darba smajtuha, din, imma hija vera.
Wara t-taħdita kellna diskussjoni dwar uħud mill-punti li semmejt.
Ħajr speċjali lil Rachel Saydon tal-għajnuna fit-tħejjija għal din it-taħdita.