Nhar is-Sibt 17 ta’ Diċembru 2022 ħadt sehem fil-programm AGORA ta’ Dr Mario Thomas Vassallo li jixxandar bejn id-9.00am u l-11.00am fuq Campus FM 103.7FM. Dan kien il-ħdax-il programm fir-raba’ sensiela ta’ Agora. Għal min għandu kont elettroniku mal-Università ta’ Malta, il-programm sħiħ jinsab hawnhekk.
Fl-ewwel siegħa għamilt intervent waqt diskussjoni fuq “Il-ħsieb kritiku pparkjat?” ma’ Dr Charles Xuereb u Dr Margaret Mangion, direttriċi ta’ The Edward de Bono Institute for Creative Thinking and Innovation fl-Università ta’ Malta.
L-argument tiegħi kien dwar kif il-letteratura tista’ tagħmilna ċittadini iktar attivi għax toffrilna perspettivi oħrajn, kultant iktar skomdi, iktar qrib tar-realtajiet konkreti tan-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, u inqas maħkumin min-narrattivi dominanti li jisquna dawk li jriduna naħsbu kif iridu huma. Il-letteratura kapaċi tiftħilna moħħna u qalbna. Kapaċi toħroġna, imqar għal ftit, mill-bużżieqa li inevitabbilment ikoll kemm aħna ngħixu fiha, għax aħna lkoll individwi, u ddaħħalna iktar fil-fond tad-dinja li ngħixu fiha.
Barra minn hekk, il-letteratura tagħtina l-lingwa u iktar u iktar il-lingwaġġi, il-possibilità li ngħammru f’lingwaġġi differenti, li f’sitwazzjonijiet differenti ninqdew b’lingwaġġi differenti. Għalhekk ma toffrilniex biss perspettivi oħrajn, dinjiet oħrajn, imma anki l-lingwa, jew il-lingwaġġi, li bihom nistgħu nitkellmu fuqhom. Il-letteratura tant hi reali li dawk li jkollhom xi tip ta’ poter jistgħu jibżgħu minnha, għax tidher li qed tisfida l-ordni stabbilit u ċ-ċertezzi tagħna. Fit-tieni intervent tiegħi nsemmi l-eżempju ta’ rakkont tal-kittieba Slovena Suzana Tratnik dwar persuna transesswali li l-awtoritajiet edukattivi daħħluh fis-sekondarja. Kienet deċiżjoni li qanqlet diskussjoni, u anki kontroversja, imma li lliberat lil ħafna adolexxenti wkoll għax irrakkontat realtà importanti u sikwit imwarrba.
Fl-aħħar intervent tiegħi tkellimt fuq il-fatt li waqt li s-sistema edukattiva tagħna jien nemmen li hija ferm iktar miftuħa u toffri spazju għall-kreattività minn qatt qabel, ma nistgħux nippretendi li taqdef waħedha kontra kultura ta’ konformiżmu u skiet. U hawnhekk semmejt l-eżempju ta’ neputija ta’ kollega tiegħi Franċiż li, bħala studenta f’dik li għalina hija l-aħħar sena tas-sekondarja, fi tmiem il-ġimgħa, bħala xogħol għad-dar kellha tqabbel film mar-rumanz li minn kien ispirat.

Fit-tieni siegħa kien hemm diskussjoni fuq “Is-sondaġġi fil-ħajja tal-Maltin” bis-sehem ta’ Dr Emanuel Said, Marika Fsadni, Dr Marie Briguglio, u Dr Vincent Marmara
Il-programm “Agora” jittella’ minn Dr Mario Thomas Vassallo bil-għajnuna tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika fl-Università ta’ Malta.