Allat tal-Landa | Is-Seħer tar-Ritmu

Diskors ta’ Adrian Grima waqt it-tnedija tal-ktieb tal-poeżiji ta’ Mario Cardona, Allat tal-Landa (Horizons 2022), nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Diċembru 2022, fiċ-Ċentru Parrokkjali ta’ San Bastjan, Ħal Qormi

Mario Cardona talabni biex naqra waħda mill-poeżiji f’din it-tieni ġabra tiegħu. Għażilt “L-Għanja tal-Ħadd Flgħaxija 1,” li l-kliem tagħha jidher kollu hawn taħt.

Għalija s-seħer ewlieni ta’ din il-poeżija jinsab fir-ritmu. Ir-ritmu tax-xbihat li jidħlu f’xulxin, waħda wara l-oħra, mingħajr skossi ta’ xejn. Ir-ritmu kajman tal-inkwadraturi, ta’ bniedem ipejjep l-aħħar sigarett tal-jum fuq l-għatba tad-dar. Ir-ritmu tal-kliem magħżul biex ma jaħsadx u ma jispikkax, għax kollox jinħakem mis-swidija tal-lejl.

Fir-ritratt tiegħu ta’ Ħal Qormi l-Ħadd filgħaxija, Mario Cardona josserva l-lejla tinfirex bil-mod fuq il-jum, il-mistennija tal-ġenn tat-Tnejn filgħodu tibla’ bil-mod il-lajma malinkonika tal-aħħar ftit sigħat tal-Ħadd. 

Fil-Malta li jirrakkonta Mario Cardona, il-Malta tan-nies komuni, il-Ħadd jaf ikun ukoll jum bħall-oħrajn, kabina oħra fil-ferrovija twila tal-ġimgħa li bħal tal-linja qatt ma tieqaf. Ġimgħa aktarx muta, jew kważi muta, imma Cardona jlissinha, jitkellem fuqha, jistampa l-preżenza muta tagħha fuq il-kuxjenza aljenata tagħna, kuxjenza medhija bid-dinja ċkejkna tagħna, bl-istejjer individwali tagħna u ta’ dawk qrib tagħna. Din poeżija li tħares lejn id-dell iswed li hemm wara l-kantuniera, li tibqa’ tosserva sakemm titfaċċa minn ġo dak id-dlam, il-figura mistura, jew sakemm tinbela’ ġo fiha l-figura muta tat-tfajla ġejja mix-xogħol mal-MacDonalds. 

Għax il-poeta josserva wkoll dinja globalizzata tross ir-regoli l-ġodda tagħha fuq raħal kburi fil-periferija tal-Ewropa, fil-qalba tal-Mediterran. It-tfajla li titbiegħed minn fuq l-istage liebsa l-uniformi tal-MacDonalds aktarx għadha ġejja mix-xogħol. U minkejja l-mixja inċerta, nassumi li għandha seba’ mitt sena biex tinġabar id-dar, biex tinża’ l-uniformi, u tistrieħ.

Disinn tal-qoxra ta’ Pawlu Mizzi

Fi ktieb dwar l-allat, ir-riferiment għall-MacDonalds mhuwiex innoċenti, jew kumbinazzjoni. Kumpanniji transnazzjonali bħall-MacDonalds, xempji tal-kapitaliżmu globalizzat, huma wkoll allat, ħafna drabi allat li ma jista’ għalihom ħadd. Meta jagħtsu huma jispiċċa jieħu riħ kulħadd, jew kważi kulħadd. Jidħlu fl-irħula u l-ibliet tagħna, jidħlu fit-toroq tagħna, u jiddeċiedi x’nieklu u x’nixorbu, fejn u kif nistrieħu u niddevertu, liema mudelli jiggwidawna. Imma jiddeċiedu affarijiet oħrajn ukoll: kemm nitħallsu fis-siegħa, kif naħdmu, kemm nitkellmu, kemm niġġieldu għad-drittijiet tagħna, jekk nistgħux nissieħbu f’union biex taqbeż għalina. Jiddeċiedu wkoll fuq il-lingwa tagħna, fuq xi jfisser il-kliem. Jiddeċiedu xi jfissru kelmiet antiki bħal “ikel,” “frisk,” “Saħħa,” “bnin,” “tradizzjonali,” “ħobż,” “tiġieġ,” u “ċanga.” Jivvintaw il-lingwa tagħna mill-ġdid.

Għalhekk “L-Għanja tal-Ħadd Flgħaxija 1” hija poeżija dwar Ħal Qormi, imma Ħal Qormi mhuwiex dinja maqtugħa għaliha. Lanqas jekk irid. Hemm forzi ferm akbar minn Ħal Qormi, jew anki minn Malta, li f’ħafna aspetti jsawru l-Ħal Qormi li jitkellmu fuqu dawn il-poeżiji ta’ Allat tal-Landa. Forsi wara kollox it-tfajla tinbela’ mhux tant mid-“dell iswed / wara l-kantuniera” imma mid-dell iswed tad-dinja tal-kumpanniji transnazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom fuq ħajjitna jittieħdu ’l bogħod ħafna minna, fi mkejjen u fi rkejjen li m’għandna ebda ħjiel tagħhom u m’għandna ebda kontroll fuqhom. L-Audi li nsuqu jaf tkun kburi. Jaf timla pjazza sħiħa. Imma dan il-poter jidher ċkejken quddiem il-poter insidjuż ta’ kumpaniji-allat li ħadd ma jista’ għalihom u li jikkundizzjonaw mhux biss il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħna imma anki l-immaġinazzjoni.

F’dik l-ewwel strofa li kapaċi tidher tant innoċenti, u fl-istrofi ta’ warajha, hemm ħjiel ta’ forzi globali oħrajn li qed jimponu l-liġi tagħhom fuq il-bnedmin iż-żgħar: is-suq tax-xogħol, is-suq tal-gwerra. Hemm ix-xufier Indjan li jispiċċa fi gżira ċkejkna f’kontinent ieħor biex jaqla’ x’jiekol; it-Tork li jiġi jiftaħ ħanut tal-ikel Malta; is-Sirjan li kellu jaħrab mill-qilla tal-gwerra f’Aleppo u spiċċa “jpejjep l-aħħar sigarett” fuq “l-għatba ta’ daru” f’Ħal Qormi. Iċ-ċekċik tal-ventijiet “mal-arblu bla bandiera” donnu jfakkarna li l-ħakma li għandna fuq id-dinja huwa limitat, kultant limitat ħafna, u l-irjieħ kapaċi jkunu iktar b’saħħithom mill-ħila tagħna li nirreżistuhom jew anki niddireġuhom. Is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta, ngħidu aħna, jitmexxa minn kumpannija privata barranija li tqabbad aġenziji internazzjonali biex isibulha ħaddiema li lesti jiġu Malta biex isuqu l-karozzi tal-linja tagħha. U l-ħaddiema, għax is-suq isuq, ikollhom jitilqu minn djarhom, minn arthom, u jiġu Malta. U l-punt u l-virgola tal-kundizzjonijiet tagħhom jinkitbu xi mkien ieħor. Huma prodott fis-suq tax-xogħol. Prodott li jinxtara u jinbiegħ. Ħaddiema bla isem li jinkitbu biex ibigħu s-servizzi tagħhom fejn iriduhom. U jibqgħu anonimi sakemm il-poeta jaqbadhom f’ritratt straordinarju ta’ mument għalkollox ordinarju. 

B’xi mod, mingħajr ma jirromantiċizza x-xena, Cardona jirnexxilu jirrakkonta wkoll l-armonija tal-ġnus li jiltaqgħu fit-tapizzerija tiegħu tal-Ħadd flgħaxija. Għax minkejja l-inugwaljanzi, minkejja t-tluq u d-distanzi, il-bnedmin, meta jridu, dejjem isibu mod. Dejjem isibu post, dejjem jaqbdu r-ritmu tal-post. Fil-poeżija umanista ta’ Cardona, kulħadd għandu l-istorja tiegħu, kulħadd għandu l-battuta tiegħu fid-daqq iddixxiplinat tal-arloġġ tal-kampnar. 

Fl-aħħar mill-aħħar, bħal f’ħafna mill-poeżiji ta’ dan il-ktieb intelliġenti, saħħari u onest, kulħadd, hu min hu, hu minn fejn hu, sejjer jaffronta “bi qlubija / is-swidija tal-lejl.” U daqskemm hemm ironija f’dik l-istqarrija mlaħalħa fil-birra, daqshekk ieħor hemm reżiljenza: għax quddiem il-ħefa essenzjali tal-ħajja, m’għandna xejn għajr il-kuraġġ tagħna. U b’xi mod, b’xi mod, jirnexxilna nieħdu dak kollu li nistgħu mill-ħajja. Qabel ma jinħela l-ħabel; qabel ma jieqaf l-arloġġ tagħna wkoll. 


L-Għanja tal-Ħadd Flgħaxija 1
					
Tal-linja kważi muta,
lewn id-dwejjaq tal-Ħadd flgħaxija. 
Ix-xufier Indjan jaqla’ ’l barra
minn mal-bankina,
u jiġbed bil-lajma lejn Ħaż-Żebbuġ. 
Tfajla bil-mixja inċerta, 
bl-uniformi tal-McDonalds
tħaffef minn fuq l-istage,
u tinbela’ fid-dell iswed
wara l-kantuniera.
					
Is-Sirjan fuq l-għatba ta’ daru,
fid-dawl oranġjo ħaddiel
imdendel f’nofs tat-triq,
qed ipejjep l-aħħar sigarett,
jiċċassa lejn il-knisja qadima tal-pjazza 
u lejn il-kampnar rieqed
minkejja d-daqqiet tal-qanpiena tal-arloġġ. 
F’għajnejh nofshom imbexxqa
tgħum id-dehra
tal-moskea u l-minarett
ta’ pjazza f’Aleppo.
Minn fuq il-bejt jinstemgħu l-ventijiet 
iċekċku mal-arblu bla bandiera
fix-Xlokk li jagħrax ħafif.
L-arloġġ tal-kampnar idoqq dixxiplinat 
il-ħdax u kwart.
					
Żewġ ġuvintur jagħlqu l-bieba tal-Audi 
u jinżlu b’nofs ħajra
jordnaw ftit koxox tat-tiġieġ
mingħand it-Tork tal-kantuniera.
					
Fil-bieb tal-każin ta’ Pintu
l-aħħar ftit irġiel
imsaħħa b’mimli mejda fliexken tal-birra 
sejrin jaffrontaw bi qlubija
is-swidija tal-lejl. 

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s